L-Għaqda tal-Pawlini tiltaqa’ mal-Arċisqof u l-President

Nhar is-Sibt li għadda, bħala parti mill-ftuħ taċ-ċelebrazzjonijit tal-50 sena mit-twaqqif tagħha, l-Għaqda tal-Pawlini ltaqgħet mal-Arċisqof Charles Scicluna u l-President George Vella.

Fi stqarrija ġie spjegat li l-laqgħa mal-President saret fil-Palazz ta’ San Anton fejn il-President tal-Għaqda tal-Pawlini, Mario Cassar, spjega x’inhi l-ħidma tal-għaqda fost il-komunità Parrokkjali fil-Belt. Din tinkludi l-organizzazzjoni tal-Festa tan-Nawfraġju ta’ San Pawl, kif ukoll il-ħidma soċjali oħra fil-komunità u l-attivitajiet li se jsiru biex jiċċelebraw għeluq il-50 sena. Il-President Vella rringrazzja lill-Għaqda tal-Pawlini fost l-oħrajn talli żżomm in-nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta ħaj.

L-għaqda mbagħad żaret lill-Arċisqof Scicluna fil-Kurja tal-Arċisqof. Cassar hawn tkellem dwar il-ħidma tal-għaqda fi ħdan il-parroċċa flimkien ml-Arċipriet il-ġdid Dun David Cilia. L-Arċisqof faħħar il-ħidma tal-għaqda matul is-snin u rringrazzjaha tal-ħidma tagħha fil-Parroċċa.

L-għaqda ppreżentat ritratt tal-istatwa li tirrappreżenta lil San Pawl jipprietka kif ukoll kopja tal-pubblikazzjonijiet tal-Festa, il-Programm tal-Festa u l-Leħen iż-Żgħażagħ.