L-Għaqda tal-Konsumaturi twissi kontra għaqda bejn il-Vodafone u Melita

L-Għaqda tal-Konsumaturi mill-ġdid kitbet lill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni u wissiet li ma taqbilx ma’ għaqda bejn il-kumpaniji Vodafone u Melita għaliex tali għaqda tmur kontra l-interessi tal-konsumaturi. 
L-Għaqda tal-Konsumaturi spjegat li din is-sitwazzjoni twassal għal aktar prezzijiet għoljin u anqas kwalità fis-servizz, fis-sitwazzjoni li teknikament tissejjaħ duopoly. L-Għaqda sostniet li aktar ma jkun hawn operaturi f'Malta, aktar ikun hawn effiċjenza f’dan is-settur bil-konsegwenza li jkun hawn aktar għażla fl-operaturi u servizzi li jiġu offruti. B’hekk tikber il-kompetizzjoni u l-kwalità titjieb u l-prezzijiet jorħsu.
Temmet l-appell tagħha billi spjegat li temmen li hemm biżżejjed fatti biex l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni jiċħad it-talba biex dawn iż-żewġ operaturi jingħaqdu iżda fakkret fir-responsabbiltà lejn il-kosumaturi li dan l-Uffiċċju ikun irid iġorr jekk din it-talba tintlaqa’. Dan peress li l-konsegwenzi ma jkunux biss fuq il-konsumaturi iżda wkoll fuq is-settur u l-ekonomija kollha.