L-Għaqda tal-Konsumaturi tressaq ilment mal-MCCAA

L-Għaqda tal-Konsumaturi, fi stqarrija, fissret bħala inkwetanti u serji l-allegazzjonijiet li l-prezzijiet tal-petrol u d-diesel f’Malta huma kkontrollati minn cartel u għalhekk mhux veru liberalizzati.
Waqt li faħħret il-pass pożittiv ta’ sid ta’ pompa ta’ petrol li kien għażel li jraħħas id-diesel b’2ċ, għax hekk kien se jgawdi l-konsumatur, l-għaqda kkritikat il-fatt li dan kellu jerġa’ jgħolli l-prezz minħabba pressjoni minn terzi.
Qalet li dawn il-prattiċi joħonqu l-kompetizzjoni fis-suq u probabbli jmorru kontra l-liġi tal-kompetizzjoni u kontra l-interessi tal-konsumatur.
Għalhekk l-Għaqda tal-Konsumaturi ppreżentat ilment quddiem l-awtorità għall-kompetizzjoni (MCCAA) biex jiġu investigati dawn il-prattiċi.
Fl-istess ħin, talbet lill-awtorità biex tipproteġi l-inizjattiva ta’ dan l-operatur tal-pompa tal-petrol biex ikun jista’ jerġa’ jraħħas il-prezz tad-diesel għall-benefiċċju tal-konsumatur. 
Ilbieraħ, il-Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM) ukoll staqsiet jekk is-suq hux veru liberalizzat wara dak li qed jiġi allegat li seħħ. Il-Ministeru tal-Enerġija wieġeb li dawk kollha nvoluti fis-suq huma fil-libertà li jikkompetu fuq prezzijiet.