L-Għaqda tal-Konsumaturi tilqa’ t-twaqqif ta’ Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji

L-Għaqda tal-Konsumaturi nnutat b’sodisfazzjon il-pubblikazzjoni tal-Att li jistabilixxi l-Arbitru għas-Servizzi Finanzjarji u appellat biex il-mekkaniżmu jitwaqqaf kemm jista’ jkun malajr biex il-konsumaturi jkollhom aċċess għal forum speċjalizzat għat-talbiet tagħhom b’rabta mas-servizzi finanzjarji.
Iddeskrivietu bħala mekkaniżmu li għandu jkun iktar effettiv mill-Qorti biex jiddeċiedi dwar tilwim u essenzjali għal dawk li qed jinvestu, fost l-oħrajn biex ikollhom pensjoni adegwata.
Sostniet li m’għandiex oġġezzjoni li l-Arbitru jkun avukat għalkemm tat il-parir li jkun persuna b’esperjenza fil-qasam biex id-deċiżjonijiet ma jkunux biss mil-lat legali.
Fl-istess ħin, faħħret il-fatt li l-Arbitru jista’ jordna kumpens sa massimu ta’ €250,000 u li l-liġi tistabilixxi massimu ta’ żmien sa meta trid tittieħed deċiżjoni fuq kull każ.