Il-€5 fix-xahar għall-klijenti tal-HSBC “mhix għal kulħadd”

Aġġornat 10:25 AM

L-HSBC b'tariffa ta' €5 fix-xahar

Read in English.

L-Għaqda tal-Konsumaturi qed tikkundanna kif il-bank HSBC qed jobbliga lill-klijenti biex iħallsu €5 kull xahar jekk ma jiddepożitawx ċertu ammont ta’ flus kull tliet xhur.

Fi stqarrija maħruġa dalgħodu, l-Għaqda spjegat li fl-aħħar ġranet, ħafna konsumaturi li għandhom xi kont mal-HSBC irċevew nota mingħand il-bank li jekk huma ma jiiddepożitawx ċerta somma ta’ flus (€2,300 jew €1,250 għal dawk ta’ aktar minn 61 sena) fil-kont kurrenti jew il-kont tat-tfaddil kull tliet xhur, jew inkella jaqgħu taħt xi kategoriji oħra kif speċifikati mill-bank, se jibdew jeħlu €5 kull xahar, jew aħjar, €60
fis-sena.

Newsbook.com.mt għamel kuntatt mal-HSBC għal reazzjoni, u l-bank qal li qed jaħdem f’ambjent li nbidel b’mod konsiderevoli fl-aħħar snin, u għalhekk, il-prezz tas-servizzi għall-klijenti żdied ukoll.

L-HSBC spjega li l-ħlas ta’ €5 jidħol fis-seħħ fl-1 t’April, u ma japplikax għall-klijenti li jħallsu minimu ta’ €2,300 fq perjodu ta’ tliet xhur fil-kont tagħhom ta’ tfaddil jew kurrenti. Lanqas ma japplika għal dawk li jħallsu minimu ta’ €1,250 fuq tliet xhur jekk għandhom 61 sena jew aktar.

Il-ħlas ma japplikax anqas għal dawn il-klijenti:

  • Klijenti b’self għad-dar, self bħala sid tad-dar, self personali jew prodott ta’ investiment distribwit mill-HSBC
  • Klijenti li diġà jħallsu t-tariffa HSBC Advance
  • Klijenti li jieħdu l-benefiċċju tal-Gvern għal diżabbiltà, mard mediku jew tal-qgħad fil-kontijiet tagħhom mal-HSBC
  • Studenti li għandhom sa 25 sena, li bħalissa qegħdin jistudjaw xi kors u għandhom kont ta’ studenti mal-HSBC, jew minorenni li għandhom inqas minn 16-il sena
  • Klijenti ġodda tal-HSBC – dawn se jkunu esklużi minn din it-tariffa għall-ewwel sitt xhur
  • Nies li għandhom kont konġunt ma’ xi ħadd li jaqa’ taħt xi waħda minn dawn il-kategoriji.

Il-kelliema għall-HSBC issoktat tgħid li l-maġġoranza tal-klijenti tal-HSBC jissodisfaw xi waħda mill-kriterji msemmija, u għalhekk, mhux se jkollhom tariffi xi jħallsu. Il-klijenti kollha għandhom jiġu kkuntattjati dan ix-xahar b’dettalji fuq jekk din it-tariffa tapplikax għalihom.

L-Għaqda tal-Konsumaturi lmentat li l-klijenti qed iħabbtu wiċċhom ma’ diversi żidiet mill-banek Maltin, u fil-fehma tagħha, dawn iż-żidiet huma parti minn sensiela ta’ azzjonijiet mill-banek biex l-użu tal-banek mill-konsumaturi jibda jsir bil-ħlas. Din, sostniet l-Għaqda, taqleb l-istampa kollha ta’ taħt fuq ta’ kif kienet taħdem din is-sistema, meta qabel l-konsumaturi kienu jpoġġu dak li jfaddlu l-bank u dan jagħtihom interessi fuq dak li jkunu ddepożitaw.

“Fi ftit ta’ żmien ieħor wieħed ma jeskludix li se nistgħu niġu f’sitwazzjoni fejn barra dan se jkollok tħallas tal-użu tal-banek u l-banek barra l-flus li jdaħħlu mill-interessi li jdaħħlu meta jisilfuhom, se jdaħħlu wkoll fi bwiethom charges talli ma ddepożitajtx aktar,” spjegat l-Għaqda tal-Konsumaturi.

Żiedet tgħid li l-impatt ta’ din il-miżura tal-HSBC se jkun fuq dawk li jew għandhom dħul jew pensjoni baxxa, jiġifieri dawk l-iżjed vulnerabbli fis-soċjetà. Apparti hekk, dan ħandu jaffettwa wkoll lill-konsumaturi li d-dħul tagħhom jidħol dirett f’xi kont ta’ bank ieħor. Għalhekk, kompliet tispjega, dawn il-konsumaturi mhux biss se jaraw dħul akbar iżda se jibdew jaraw il-flus tagħhom fil-kont tat-tfaddil jonqsu b’€60 fis-sena.

Barra minn hekk, l-Għaqda tal-Konsumaturi wissiet li dan l-aġir tal-HSBC x’aktarx se jħajjar lil banek oħra biex jagħmlu l-istess biex ikabbru l-profitti tagħhom. Issoktat tgħid li l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) mhix tagħti informazzjoni lill-konsumaturi fuq it-tariffi u l-interessi tal-banek, u għalhekk hu diffiċli li l-konsumaturi jużaw banek li jagħtuhom l-aktar interessi u jżommu l-inqas tariffi. Għaldaqstant, skont l-Għaqda, din is-sitwazzjoni qed tnaqqas il-kompetizzjoni bejn il-banek minflok iżżidha.

L-Għaqda tal-Konsumaturi temmet billi appellat lill-banek iġorru r-responsabbiltà soċjali u mhux jgħakksu lil dawk l-aktar vulnerabbli.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet minn Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn