L-Għaqda Mużikali Sant’Elena ta’ Birkirkara tiċċelebra l-mitt anniversarju tagħha

Għall-Ġimgħa Mqaddsa ta’ din is-sena li matulha l-Għaqda Mużikali Sant’Elena ta’ Birkirkara qed tiċċelebra l-mitt anniversarju mit-twaqif tagħha fl-1919, il-jiem li jwasslu għall-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir se jkollhom attivitjiet organizzati mill-istess Għaqda sabiex min jieħu sehem fihom jidħol fl-ispirtu ta’ dan iż-żmien qaddis permezz tar-riflessjoni u t-talb.

Nhar il-Ħamis 11 ta’ April, fis-7.00 pm, se tittella’ Akkademja Funebri flimkien mad-dramm b’erba’ atti ta’ Louis Briffa, bl-isem ta’ ‘Salvator Mundi’ fil-Kolleġġjata Bażilika ta’ Sant’Elena ta’ Birkirkara.  Il-banda, immexxija mis-Surmast Maestro Joe Vella, se tesegwixxi diversi siltiet adattati għal din l-okkażjoni.  Jippreżenta l-programm Renald Borg.  Wara jkun hemm il-ftuħ uffiċċjali tal-Wirja tal-ġimgħa mqaddsa fil-Każin, li tibqa’ miftuħa sal-20 ta’ April.

Fil-Wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa, ġewwa il-kantina u xelter tal-Każin ser jkunu esebiti statwi life-size, inkluż dik tal-Aħħar Ċena, il-Marbut, il-Golgotta u diversi xeni oħra. L-attrazzjoni prinċipali għal din is-sena ċentinarja ser ikun il-platt ewlieni b’daqs rekord ta 24 x 16 pied li se jkun esebit fis-sala ta’ isfel tal-Każin.

Il-ħinijiet se jkun kif imfisser hawnhekk:

Matul il-Ġimgħa:         mis-6 pm sad-9 pm

Sibtijiet u Ħdud:          mit-8.30 am san-12.30 pm, u mis-6 pm sad-9 pm

Ħamis ix-Xirka:            mis-6 pm sal-11 pm

Ġimgħa l-Kbira:           mit-8 am sas-2 pm

F’nhar l-Għid il-Kbir filgħaxija, il-Ħadd 21 ta’ April, l-Għaqda torganizza l-purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt ma’ toroq ewlenin f’Birkirkara, bl-akkumpanjament tal-banda u ta’ persunaġġi mlibbsin skont iż-żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa.  Għall-ewwel darba, se jindaqq waqt il-bidu tal-purċissjoni l-Innu lil Kristu Rxoxt, komposizzjoni ta’ Maestro Joe Vella u b’lirika ta’ Anthony Saliba, President tal-Għaqda.