L-Għaqda Mużikali San Gejtanu bi programm mimli għall-Ġimgħa Mqaddsa

L-Għaqda Mużikali San Gejtanu tal-Ħamrun ħejjiet programm estensiv ta’ attivitajiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa.
L-attivitajiet jibdew nhar it-Tlieta 4 ta’ April bi ftuħ ta’ wirja ta’ Arti Sagra b’xogħlijiet ta’ Antonio Mifsud. Din il-wirja tibqa’ miftuħa sal-Ġimgħa l-Kbira.
Il-Ħamis 6 ta’ April, lejliet id-Duluri, il-Banda San Gejtanu se tesegwixxi l-Programm Mater Dolorosa fil-Knisja ta’ San Franġisk, il-Belt Valletta. F’dan il-programm  se jieħdu sehem is-sopran Claire Caruana u t-tenur Georg Zammit.
It-Tlieta 11 ta’ April il-Banda San Gejtanu takkumpanja b’daqq ta’ marċi funebri l-pellegrinaġġ tar-Redentur li jsir minn Blata l-Bajda sal-Knisja Parrokjali ta’ San Gejtanu.
L-attivitajiet jissoktaw nhar Ħamis ix-Xirka meta l-Għaqda torganizza l-Visti tas-Sepulkru biex imbagħad nhar Ħadd il-Għid il-Banda San Gejtanu tibda marċ fit-8:30am. Wara  t-taqsima KidZ & TeenZ Tamlin jippreżentaw figolli maħduma minnhom stess lit-tfal tal-istituti.
Sadanittant mill-Ħadd 2 ta’ April, il-Banda San Gejtanu se toħroġ għall-bejgħ CD b’sett ta’ valzi tal-Għid kompożizzjoni tas-Surmast Ray Sciberras. Din is-CD tinkiseb mill-Każin San Gejtanu.