“L-għaqda mhix ibbażata fuq numru ta’ likes” – Il-Papa

Il-Papa Franġisku sostna li l-Knisja hija netwerk fejn l-għaqda mhijiex ibbażata fuq numru ta’ likes, imma fuq il-verità. Dan qalu fil-messaġġ tiegħu għat-53 Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali.

Il-Papa Franġisku sostna li sa mill-bidu tal-internet, il-Knisja dejjem fittxet li tippromwovi l-użu tiegħu biex in-nies jiġu aktar flimkien u biex ikun mezz ta’ solidarjetà bejn kulħadd. Hu talab għal riflessjoni sabiex wieħed jiskopri mill-ġdid ix-xewqa tal-bniedem li ma jibqax waħdu, fis-solitudni tiegħu.

Kompla billi qal li jekk l-internet huwa possibilità straordinarja ta’ aċċess għall-għarfien, huwa veru wkoll li dan hu wieħed mill-postijiet l-aktar esposti għall-informazzjoni żbaljata u għat-tgħawwiġ konxju u immirat tal-fatti u tar-relazzjonijiet interpersonali, li sostna spiss jintużaw biex itellfu l-krettu.

“In-netwerks soċjali jservu biex jgħaqqduna”

Il-Papa Franġisku kompla jgħid li n-netwerks soċjali jservu sabiex jgħaqqdu lill-bnedmin. Qal li min-naħa l-oħra dawn jiffaċilitaw l-użu manipulattiv ta’ informazzjoni personali, bl-għan ta’ vantaġġ fuq livell politiku jew ekonomiku, mingħajr rispett lejn il-persuna u d-drittijiet tagħha. Qal li l-istatistika turi li fost iż-żgħażagħ, wieħed minn kull erbgħa hu involut f’episodji ta’ cyberbullying.

Il-Papa kompla billi qal li aktar ma komunità tfittex li tkun magħquda u solidali, aktar ma tkun animata minn sentimenti ta’ fiduċja u tfittex objettivi komuni, aktar tkun b’saħħitha. Sostna li wieħed jista’ jara b’mod ċar li s-social network community mhijiex awtomatikament sinonima ma’ komunità. Qal li fl-aħjar każi, dawn is-sistemi jirnexxielhom jagħtu prova ta’ għaqda u solidarjetà, iżda spiss jibqgħu sempliċiment gruppi ta’ individwi li jirrikonoxxu lil xulxin permezz ta’ interessi komuni jew tħassib karatterizzat minn rabtiet dgħajfa

“Iż-żgħażagħ jaħsbu li s-social web tista’ tissodisfahom”

Il-Papa spjega li ż-żgħażagħ huma dawk l-aktar esposti biex jilludu ruħhom u jaħsbu li s-social web tista’ tissodisfahom għal kollox fuq livell relazzjonali. Qal li dan qed iġib miegħu il-fenomenu perikoluż ta’ “eremiti soċjali” li jwassal liż-żgħażagħ għar-riskju li jinqatgħu kompletament mis-soċjetà.