L-għaqda JCI Malta tagħti numru ta’ premjijiet

L-għaqda JCI Malta, parti mill-għaqda internazzjonali Junior Chamber International, li spiss torganizza attivitajiet li jippromwovu l-attiviżmu fost iż-żgħażagħ, fl-aħħar jiem organizzat serata ta’ premjijiet msejħa Global Goals Awards Night. 
F’din is-serata, li kienet qiegħda ssir għat-tieni sena konsekuttiva, 32 persuna kien nominata għal premijiet f’bosta kategoriji b’ġurija ta’ tliet persuni tagħżel l-għaxar rebbieħa. L-għaxar rebbieħa kienu Mel McElhatton, Daniel Fenech, Camilla Appelgren, Vladyslava Kravchenki, Martina Caruana, Rosianne Cutajar, Andrew Bartolo, Heath Schembri, Antonino Mazzonello u JD Farrugia. 
F’diskors qasir waqt is-serata, il-President tal-għaqda Rachel Cassar qalet li l-programm ta’ JCI Malta huwa wieħed bl-għan li jonora u jagħti pjattaforma lill-individwi li fil-kommunità jagħmlu dak il-pass oltre minn normal favur l-għanijiet tal-iżvilupp sostenibbli. 
Fl-istess serata, nżammet minuta silenzju b’tifkira tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li ġiet deskritta bħala persuna li ħadmet bla waqfien favur l-identifikazzjoni tal-verità u l-kontabilità.