Read in English.
Matthew Caruana Galizia, iben il-ġurnalista assassinata, qal fuq Facebook li mix-xhieda li ta llum l-eks Prim Ministru Joseph Muscat jasal biex jikkonkludi li l-għan tiegħu kien biex il-perpetratur jaħrab mill-ġustizzja u l-vittma tibqa’ tiġi kkastigata anke f’mewtha.
Caruana Galizia qal li persuni li huma responsabbli għall-kriminalità, ġeneralment jippruva jiddisumanizzaw lill-vittmi tagħhom.
Muscat illum deher quddiem il-bord ta’ inkjesta. L-inkjesta għandha f’idha r-resposabbiltà li tiddetermina jekk l-istat għamilx dak kollu li jista’ biex jipprevjeni l-qtil tal-ġurnalista investigattiva.
Iben il-ġurnalista qal li r-raġuni wara dan hija li wieħed jistenna li l-kastig ikun kbir daqs is-severità tal-impatt tal-kriminalità. Jekk il-perpetratur tal-kriminalità jirrepeti “l-gidba li l-vittma tiegħu kienet ‘irrelevanti’ għal darba darbtejn, il-pubbliku jibda jemmina u jibda wkoll jara l-att kriminali bħala irrelevanti u b’hekk ma jistennewx li jkun hemm kastig.”
Fix-xhieda tiegħu llum, Muscat qal li rreżenja wara li Keith Schembri, li ddeskrivih bħala idu l-leminija, kien arrestat. Sostna li ma setax jibqa’ Prim Ministru ladarba ċ-chief of staff tiegħu spiċċa arrestat. Fil-Qorti, Muscat qal li hu kien jikkunsikdra lil Schembri bħala neċessità fil-mekkaniżmi tal-istat, kif ukoll l-eks Ministru Konrad Mizzi. Hu ddeskrivihom bħala “doers”.
Aktar kmieni llum, Matthew Caruana Galizia osservakif Muscat kien għaddej b’kampanja sħiħa biex jiskredita l-inkjesta. Waqt li kien qiegħed fil-Qorti, persuna li għandha aċċess għall-paġna ta’ Facebook tiegħu kienet qed ittella’ aġġornament frekwenti b’dak li kien qed jgħid.
L-ebda sens ta’ responsabbiltà – Metsola
Il-Viċi President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola wkoll għaddiet il-kumment tagħha fuq Facebook wara s-smigħ tal-lum. Hi sostniet li hekk kif ħareġ mill-Qorti, il-pajjiż inħeles miknn aktar sigħat ta’ spettaklu morr u tad-dwejjaq minn Muscat. Sostniet li f’seba’ snin bħala Prim Ministru, kull ma kien kapaċi jgħid għalih inniffsu kien “ara x’għamel il-Partit Nazzjonalista meta kien fil-Gvern”. Qalet li ma wera l-ebda sens ta’ responsabbiltà.
Mhux se jirnexxielu – Casa
Min-naħa tiegħu, l-Ewroparlamentari David Casa spjega kif l-ewwel 20 minuta tas-smigħ tal-lum raw lil Muscat jattakka lill-imħallfin tal-inkjesta. Irrimarka li dan l-attakk huwa parti mill-kampanja kordinata biex tipprova tiġi skredidata din l-inkjesta. “Jista’ jdum kemm irid jiġġieled biex din il-verità ma toħroġx. Però mhux se jirnexxielu,” insista Casa.