‘L-għalliema u l-istudenti qed jintalbu joqogħdu kwarantina’ – EF

Skola tal-Ingliż għal barranin insistiet li l-għalliema u l-istudenti tagħha qed josservaw il-kwarantina mandatorja kif meħtieġ wara li dawn instabu pożittivi għall-COVID-19. Madanakollu, sorsi qrib l-iskola qalu ma’ Newsbook.com.mt  li l-għalliema li ġew f’kuntatt ma’ dawk li nstabu pożittivi qed jintalbu jmorru xorta għax-xogħol, meta suppost joqgħodu kwarantina wkoll.

Newsbook.com.mt tkellem mal-EF Language School f’San Ġiljan u talabha tiċċara u tikkonferma din is-sitwazzjoni wara li tliet membri tal-istaff tagħha u seba’ studenti tagħha f’Malta nstabu pożittivi.

Id-Direttur Eżekuttiv tal-iskola qal li t-tim u dawk kollha li ġew f’kuntatt ma’ dawk l-istudenti ġew ittestjati u li l-ebda studenti jew għalliema oħra ma huma affetwati f’dan l-istadju. Huwa sostna li l-każi diretti u l-kuntatti tagħhom ġew infurmati u ntalbu jagħmlu ġimgħatejn kwarantina, filwaqt li l-iskola tikkonferma l-ismijiet tal-istudenti li jmorru l-iskola biex ikunu ċerti li dawn qed joqgħodu f’kwaranatina.

Skont id-Direttur Eżekuttiv l-iskola qed timxi mal-pariri mogħtija mill-awtoritajiet tas-saħħa u qed timplimenta l-protokolli kollha meħtieġa fl-ajruport, fl-akkomodazzjoni u fl-iskola u l-avvenimenti li jsiru.

Mistoqsi dwar l-avvenimenti tal-iskola, huwqa qal li l-avvenimenti kollha li l-iskola qed torganizza din is-sena qed ikunu limitati għal gruppi żgħar u qed isiru barra.

Id-Direttur Eżekuttiv qal li l-iskola bdiet timplimenta r-regola li l-maskri jintlibsu fil-klassijiet b’mod mandatorju sa mill-1 ta’ Lulju.

Mistoqsi jekk kienx hem mstudenti li reġgħu ttestjaw pożittivi meta marru lura, id-Direttur Eżekuttiv tal-EF qal li f’każijiet bħal dawn tiġi applikata l-istess proċedura u tkun infurmata l-awtorità tas-saħħa sabiex ikun jista’ jsir il-contact tracing.

L-iskola, min din il-ġimgħa, bdiet titlob lill-istudenti tagħha li jaslu Malta biex jistudjaw biex jippreżentaw ċertifikat li ttestjaw negattivi għal COVID-19. Studenti li ma jippreżentawx ċertifikat bħal dan jingħataw l-għażla li jagħmlu swab test privat meta jaslu Malta.

“Frustrazzjoni”

Sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt qalu li jinsabu ffrustrati, speċjalment minħabba l-fatt li l-għalliema nżammu fl-għama. L-istess sorsi spjegaw kif l-għalliema qed jużaw l-istess klassijiet u apparat li użaw qabilhom għalliema u studenti li nsatbu infettati bil-COVID-19. Żiedu jgħidu li bħalissa l-għalliema u l-istudenit mhux qed ikunu mitluba jilbsu maskri jew visors fil-klassijiet u li din il-miżura ġiet implimentata minn din il-ġimgħa.