“L-għalliema tal-MCAST mhux jirċievu l-fondi għar-riżorsi”

L-għalliema tal-MCAST għadhom ma rċevewx il-fondi allokati għalihom sabiex jixtru r-riżorsi għal xogħolhom, klawsola li suppost daħlet fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena.

Sors viċin l-MCAST tkellem ma’ Newsbook.com.mt u spjega li f’Lulju li għadda ġie ffirmat ftehim kollettiv ġdid bejn l-MCAST u l-MUT li għandu jservi bejn l-2017 u l-2020. Il-ftehim il-ġdid jgħid li minn Jannar l-għalliema, jiġifieri l-MCAST Assistant Lecturers, MCAST Lecturers u l-MCAST Senior Lecturers, se jingħataw bħal karta tal-kreditu bl-isem ta’ MCAST Work Resource Card.

Is-sors spjega li din il-karta tal-kreditu għandha tiffaċilita l-mod kif dawn l-għalliema jieħdu lura l-flus li nefqu sabiex jixtru l-bżonnijiet ta’ kuljum għall-klassi. Filwaqt li fis-snin preċedenti kienu jħallsu minn buthom imbagħad jieħdu l-flus lura fl-aħħar tas-sena, il-karta tal-kreditu għandha twaqqaf l-użanza li l-għalliema jonfqu l-flus minn buthom.

“Qalulna niġbru l-card; ma fihiex flus”

Skont l-informazzjoni tas-sors, l-għalliema ntalbu jiġbru din il-karta tal-kreditu mingħand ir-Riżorsi Umani tal-MCAST f’Diċembru, madanakollu din ma fihiex flus biex jintużaw mill-għalliema. F’ċirkulari li ntbagħtet lill-għalliema l-Ġimgħa u li waslet għand Newsbook.com.mt l-MCAST spjegat li raġuni għaliex il-karti tal-kreditu ma fihomx flus hija minħabba li l-Ministeru għall-Finanzi għadu ma trasferiex il-fondi neċessarji lill-MCAST.

Intant fl-istess ċirkulari, l-MCAST spjegat ukoll li l-MCAST għadha qed tistenna’ mill-Malta Union of Teachers (MUT) sabiex tirċievi aktar informazzjoni biex jiġi konkluż il-ftehim. Madanakollu skont sorsi, din hija gidba hekk kif l-MUT ilha li bgħatet id-dettalji finali tagħha minn Diċembru. Qalu wkoll li hija l-MCAST li qatt ma talbet għall-aħħar laqgħa li twassal sabiex jiġi ffinalizzat dan il-ftehim.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-MUT Marco Bonnici ikkonferma dan ma’ Newsbook.com.mt u sostna li din hija biss waħda mis-serje ta’ problemi fl-MCAST. Semma kif din qed issegwi l-iżbalji fis-salarji tal-ħaddiema fix-xhur li għaddew. Bonnici qal li bħalissa l-MUT għandha numru ta’ direttivi fl-MCAST u mhux se taħsibha darbtejn biex teskalhom jekk is-sitwazzjoni ma taqlibx għall-aħjar.

Kemm għandhom jirċievu l-għalliema?

L-għalliema kollha intitolati għal din l-allowance, fl-2019 għandhom jirċievu €2,000. Din hija €1,000 aktar minn kemm irċevew fl-2018. Ir-rata mistennija tiżdied is-sena d-dieħla skont il-kariga tagħhom, imbagħad tibqa’ l-istess rata sas-sena 2022. Min-naħa l-oħra l-LSAs se jkunu qed jirċievu bejn €300 u €700, skont il-livell tal-kariga tagħhom.

Newsbook.com.mt ikkuntattja lill-Ministeru għall-Finanzi, madanakollu sal-ħin tal-pubblikazzjoni baqgħet ma waslet l-ebda risposta.