Aġġornata: L-ikel provdut mill-ġenituri ma jaqax taħt ir-regoli

L-ikel provdut mill-ġenituri lit-tfal tal-iskola ma jaqax taħt ir-regoli l-ġodda kif stabbiliti. Dan ġie kkonfermat fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Edukazzjoni li fiha kien qed iwieġeb għall-istqarrijiet tal-MUT li saru aktar kmieni l-Erbgħa.

Il-Gvern qal li dwar l-ikel li l-ġenituri jagħtu lill-uliedhom għaddejja kampanja separate bl-isem Lunchbox, biex it-tfal jingħataw ikel tajjeb għas-saħħa.

L-Awtoritajiet għas-Saħħa u l-Edukazzjoni qalu li d-direttiva tal-ikel li jinbiegħ fl-iskejjel hija waħda mill-inizjattivi li ttieħdu mill-2015 sa issa biex it-tfal jiġu mħeġġa jieklu ikel tajjeb għas-saħħa. Qal li l-avviż legali li ħareġ f’Awwissu huwa bbażat fuq prinċipji li huma mħeġġa madwar l-Unjoni Ewropea u mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa (WHO).

Il-Gvern għamel din l-istqarrija minħabba li l-Unjin tal-Għalliema (MUT) ħarġet avviż biex l-għalliema ma jsegwux dawn id-direttivi. Il-Gvern intant qal li saru laqgħat mal-prinċipali, l-kapijiet tal-iskejjel u anki dawk li jissuplixxu t-tuck shops biex tiġi spjegata din il-leġislazzjoni.

L-għalliema ordnati jinjoraw id-direttiva tal-ikel tat-tfal

Il-Malta Union of Teachers ħabbret li qed tirreġistra tilwima industrijali mal-awtoritajiet edukattivi u tas-saħħa għax l-għalliema qegħdin jitgħabbew b’deċiżjonijiet li mhux lok li jiħduhom huma, pereżempju jekk it-tfal għandhomx jitħallew jieħdu ikel bħall-pastizzi u s-sausage rolls fil-festini tal-iskola. 

L-MUT ilmentat li mhuwiex xieraq li l-edukaturi qegħdin jiġu mhedda b’multi ta’ bejn €100 u €2,500 jekk ma jimxux mal-avviż legali dwar il-konsum tal-ikel fl-iskejjel. Hija sostniet li “xogħol ta’ spettorat” fejn l-għalliema jiċċekkjaw x’ikel ikunu ħadu magħhom it-tfal l-iskola mhuwiex parti minn xogħol l-għalliema, u jmur kontra l-prinċipji li hi bbażata fuqhom l-edukazzjoni.

Għaldaqstant, l-MUT ħabbret li qed tirreġistra tilwima industrijali mal-awtoritajiet edukattivi u ma’ dawk tas-saħħa u qed toħroġ dawn id-direttivi li qed jidħlu fis-seħħ għall-gradi kollha tal-għalliema inkluż fl-iskejjel kollha:

1) Li l-għalliema ma jikkomunkaw bl-ebda mezz mal-awtoritajiet tas-saħħa u jinjoraw kull komunikazzjoni li jirċievu mill-istess awtoritajiet;

2) Li ma jilqgħux viżti u spezzjonijiet fl-iskejjel bħala parti mill-implementazzjoni ta’ dan l-avviż legali;

3) Li ma jipparteċipaw fl-ebda inizjattiva mal-awtoritajiet tas-saħħa;

4) Li ma jiċċekkjawx l-ikel ikkunsmat mill-istudenti;

5) Li jinjoraw u ma jħossuhomx obbligati li jimplimentaw il-lista ta’ ikel li ħarġet mid-direttorati permezz taċ-ċirkulari DLAP268/2018 u DLAP364/2018;

6) Li jekk jirċievu multa dwar l-imsemmi avviż legali jgħadduha lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u jinfurmaw lill-MUT.