Għalliema li żaru pajjiżi bil-coronavirus ordnati jibqgħu d-dar

Aġġornat 01:56 PM

Read in English.

L-għalliema Maltin huma mħassba dwar il-coronavirus, skont il-Ministeru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici. Iżjed tard, l-MUT ħarġet stqarrija b’appell għall-għalliema u l-istudenti biex ma jmorrux l-iskola jekk żaru wieħed mill-pajjiżi fejn hemm il-coronavirus.

Iżjed tard, il-Ministeru għall-Edukazzjoni ħareġ ċirkolari lill-għalliema tal-iskejjel tal-istat, tal-Knisja u indipendenti biex jekk dawn żaru pajjiżi fejn hemm il-coronavirus, ma jmorrux għax-xogħol għal ġimagħtejn.

X’qal il-Ministru Owen Bonnici?

Bonnici qal lil Newsbook.com.mt li diġà bdew jiġu implimentati miżuri fuq rakkomandazzjoni tal-Awtoritajiet tas-Saħħa. Qal li ħarġu ċirkolari dwar il-COVID-19. Bonnici reġa’ kkonferma li s’issa ma kienx hemm każijiet ta’ COVID-2019 reġistrati f’Malta.

Bonnici qal li Malta bħalissa qiegħda fi stadju ta’ konteniment biex il-virus ma jidħolx. Spejga li mhumiex biss l-għalliema li huma konċernati dwar il-COVID-19. Bonnici qal li l-Ministeru tiegħu qed jaħdem id f’id mal-Ministeru għas-Saħħa.

Is-Sindku ta’ Milan se jkun qed jipproponi li l-iskejjel fil-Belt tiegħu jagħlqu. L-Italja s’issa hija l-aktar pajjiż fl-Ewropa li ntlaqat mill-coronavirus – hemm 152 każ.

Żewġ persuni waslu Malta minn Bergamo lbieraħ bid-deni. Huma qegħdin taħt osservazzjoni.

Dr Martin Balzan, il-President tal-Medical Association of Malta, tkellem ma’ Newsbook.com.mt u qal li l-MAM qed tħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni peress li hemm titjira minn Bergamo għal Malta ta’ kuljum.

Il-Gvern iddikjara li f’Malta m’hawn l-ebda każ tal-coronavirus s’issa.

Madankollu, fi stqarrija, il-Gvern ħabbar li qed jespandi s-sorveljanza tiegħu għal iżjed pajjiżi.

Dawk li jkollhom deni, sogħla jew qtugħ ta’ nifs fi żmien ġimagħtejn wara li jżuru l-pajjiżi msemmija, għandhom imorru għand it-tabib tal-familja jew jikkuntattjaw lill-Awtoritajiet tas-Saħħa fuq 21324086. Il-pajjiżi huma dawn:

  • Iċ-Ċina
  • Il-Hong Kong
  • Singapore
  • Il-Ġappun
  • L-Iran
  • Il-Korea t’Isfel
  • L-Italja ta’ Fuq – Il-Lombardija, Piedmont, Veneto u Emilia-Romagna

X’qalet l-MUT?

L-Unjin tal-Għalliema f’Malta (MUT) uriet it-tħassib tagħha fuq is-sitwazzjoni mas-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni. Qalet li minħabba n-nuqqas ta’ direzzjoni f’din is-sitwazzjoni, għandha d-dritt tagħti struzzjonijiet hi lill-edukaturi dwar x’għandhom jagħmlu meta jerġgħu jiftħu l-iskejjel wara l-Karnival nhar il-Ħamis li ġej.

L-MUT trid li:

  • L-edukaturi u l-istudenti li żaru xi pajjiż minn dawk imsemmija jkunu kwarantina u jiġu mmarkati bħala skużati
  • L-istudenti li ma jifilħux ma jagħtux xogħol tad-dar; l-għalliema mhumiex se jaċċettawh
  • Funzjonijiet fil-magħluq ma jsirux, bħal assemblies u quddies
  • L-iskejjel jiġu pprovduti b’sanitizers, alcohol rubs, sapun u prodotti nodfa tal-ilma
  • Studenti ma jifilħux għandhom jintbagħtu d-dar u biex jerġgħu jmorru l-iskola jridu ċertifikat li jgħid li jifilħu biżżejjed biex jattendu
  • Isir tindif adekwat fl-iskejjel bil-prodotti addattati

Filmat: Miguela Xuereb