“L-għalliema mċaħħda mil-libertà minħabba l-fotokopji”

paper-piles

Għadd ta’ għalliema qed jilmentaw minħabba ċ-ċentralizzazzjoni tal-istampar tal-fotokopji li jqassmu lill-istudenti. Dan il-proġett pilota għalihom qed ifisser sfida oħra ma’ li għandhom.
Fi stqarrija, il-Partit Demokratiku saħaq li dan ma jagħtix lok lill-għalliema jbiddlu lezzjoni ppreparata skont il-bżonnijiet li jistgħu jinqalgħu fl-aħħar minuta.  Dan minħabba li l-għalliema jridu jibagħtu l-materjal minn tlett ijiem qabel.
Il-PD irrimarka li dan jikkuntrasta mal-bżonn li l-għalliema jingħataw aktar libertà u setgħat, filwaqt li jemmen li din hija turija ta’ nuqqas ta’ fiduċja fl-edukaturi.
Semma wkoll kif dan jaffettwa wkoll it-traffiku f’toroq diġà mballati biex jitqassmu dawn il-karti.
Fil-jiem li għaddew, il-ġurnal The Times qal li dan qed isir wara li l-Gvern iddeċieda li jdaħħal regolament tal-1995 tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li jgħid li l-istampar kollu tad-dipartimenti tal-Gvern isir mill-Istamperija tal-Gvern.
Skont is-Sunday Times, li l-kumpanija Kasco, taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, daħħlet €287,000 mill-forniment ta’ karti u makkinarju lill-Istamperija tal-Gvern.