“L-għalliema l-inqas li żdiedu fil-paga fl-aħħar 10 snin” – PM

Il-Prim Ministru (PM), Joseph Muscat, qal li fl-aħħar 10 snin u fuqhom, l-għalliema u n-nies fis-settur tal-edukazzjoni kienu l-inqas ħaddiema li rċevew żidiet fil-paga fil-ftehim settorjali kollha li saru.
Dr Muscat kien qed jindirizza attività politika fin-Naxxar, meta żvela ċifri li wrielu dan l-aħħar il-Ministru tal-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, li juru kif minn 11-il skala minn 12 li fiha kien hemm iż-żidiet, is-settur tal-edukazzjoni kien l-anqas li ħa żidiet.
Il-Prim Ministru rrimarka li kien impressjonat b’dawn iċ-ċifri.
Kompla jitkellem dwar l-iskejjel ġodda li se jinbnew, u semma kif mhux li tgħid kemm bnejt skejjel fis-sena l-importanti, iżda li dawn l-iskejjel ikunu ta’ kwalità, u mhux qishom appartamenti jew lukandi.
Semma kif is-sena d-dieħla se tinbena skola wara proċess tal-ewwel xorti tiegħu f’Malta, fejn l-għalliema ġew ikkonsultati sabiex l-iskola li tinbena tkun komda u prattika għat-tfal.
“Ilqatna lil kulħadd meta ma żidna ebda taxxa”
Kompla biex jitkellem dwar il-baġit, u enfasizza li għalkemm hemm sezzjonijiet mill-poplu li għalih ma tfasslu ebda proposti, xorta l-baġit laqat lil kulħadd għall-fatt li ħadd ma żdiditlu xi taxxa.
Dr Muscat staqsa ssibx xi baġit ieħor fid-dinja li ma jgħollix jew ma jdaħħalx taxxi ġodda, u fost oħrajn semma kif hemm miżuri li ndraw imma xorta jibqgħu jħallu effett pożittiv fil-bwiet tan-nies. Semma l-kontijiet orħos li fi kliemu jfissru €70 miljun lura għand il-familji u n-negozji, it-tnaqqis fit-taxxa lil kull min jaħdem full-time jew part-time, ir-rifużjoni tat-taxxa żejda mħallsa fuq karozzi ġodda u l-ħlas lil tax-Xatt jew tal-Korp tal-Pulizija.
Dwar it-tnaqqis fit-taxxa lil kull min jaħdem, proposta fil-manifest tal-PL fl-elezzjoni li għaddiet, il-PM qal li fl-ewwel sena se jintbagħat iċ-ċekk ta' bejn €40 u €68, li mbagħad daċ-ċekk jibqa' jiżdied kull sena sakemm jilħaq il-€200 u t-€340 imwiegħda f'Ġunju.
“Ma tistax tintilef meta m’għandekx direzzjoni”
Il-Prim Ministru temm jitkellem dwar l-Oppożizzjoni, u qal li ma jaqbilx mal-fatt li l-Oppożizzjoni hi mitlufa, għax skontu lanqas għandha direzzjoni, u allura ma tistax tintilef.
Talab lill-Partit Nazzjonalista biex jiċċara fejn jinsab, x’valuri u prinċipji qed jiggwidawh, meta rrimarka li bħalissa fil-PN hemm mitt fehma minn mitt ħalq differenti.
Glen Bedingfield isemmi lill-Kurja u ċ-ċittadinanza
Sadanittant, qabel ma tkellem il-PM, il-Membru Parlamentari Glen Bedingfield qal li l-Kurja m’għandhiex raġun tikkritika l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment.
Aktar kmieni dil-ġimgħa, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi qalet li d-dħul minn dal-programm ta’ ċittadinanza mhuwiex sostenibbli.
Dan qalitu meta kienet qed tirreaġixxi għall-baġit.
Bedingfield deherlu li għandu jissustanzja l-argument tiegħu billi qal li anki fl-Atti tal-Appostli San Pawl jgħid li għandu ċittadinanza Rumana u Lhudija.
Temm jgħid li jieħu pjaċir li l-Knisja tieħu sehem fil-politika.
“Qed ikompli jinsulenta lill-għalliema” – PN
Il-Partit Nazzjonalista rreaġixxa għad-diskors tal-PM meta qal li kien insolenti l-fatt li Dr Muscat ftaħar bix-xogħol li sar fl-edukazzjoni minflok ma indirizza l-kriżi li hemm fil-għadd ta’ għalliema.
Il-PN temm jargumenta li dan juri kemm il-Gvern m’għandux pjan.