Għalliema jipprotestaw l-estensjoni tal-iskola mal-Ministru

L-għalliema tal-Middle School fir-Rabat Għawdex, li huma kontra l-bini ta’ skola ġdida fil-kumpless sportiv ta’ Triq l-Ewropa, iffirmaw petizzjoni u bagħtu ittra lill-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo biex jgħaddulu l-ilmenti tagħhom.
Il-ġimgħa l-oħra l-Unjin tal-Għalliema (MUT) żvelat li kuntrarju għal dak miftiehem fis-snin li għaddew il-pjanijiet li ssottomettiet il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) lill-Awtorità tal-Ippjanar mhux qed jipproponu bini ta’ skola Primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex, iżda li tiġi estiża l-binja eżistenti tal-Middle School.
F’attività ta’ Gvern li Jisma’ fl-1 ta’ Marzu li għadda fl-Iskola Sekondarja ta’ Għawdex, l-għalliema mill-Middle School ħatfu l-opportunità li jiltaqgħu mal-Ministru Bartolo u jippreżentawlu l-ħsibijiet tagħhom.
Is-sorsi mill-iskola f’Għawdex, qalu ma’ Newsbook.com.mt li waqt il-laqgħa, il-Ministru Bartolo appella lill-għalliema biex ma jinkwetawx u li se jagħmel ħiltu biex skont hu “qabel ma tiġi sottomessa l-applikazzjoni mal-awtoritajiet” jiltaqa’ magħhom.
L-applikazzjoni kienet ilha li ġiet sottomessa mal-Awtorità tal-Ippjanar mit-3 ta’ Diċembru tas-sena li għaddiet.
It-tema tal-laqgħa kellha tkun l-edukazzjoni ġenerali iżda għall-biċċa l-kbira tal-ħin, l-attività kienet iddominata mill-ilmenti tal-għalliema tal-Middle School partikolarment fuq l-infrastruttura l-ġdida.
Fl-ittra li ppreżentaw lill-Ministru, l-għalliema jgħidu li “ma kien hemm l-ebda ħsieb dwar jekk id-dinamiċi kumplessi ta’ skola ġdida jagħmlux sens”.
“Ftit aħna stmati…”
Jisħqu li bħala għalliema Għawdxin ftit huma stmati mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, b’għalliema partikolari tgħid li tħoss li l-ideat u l-opinjonijiet tagħha, “ħafna drabi jkunu miċħuda, imwaqqfa jew sottovalutati”.
Din ir-rabja għan-nuqqas ta’ ħsieb u ppjanar wasslet lill-għalliema biex jiffirmaw petizzjoni biex jiltaqgħu mal-Ministru u li kienet iffirmata wkoll mill-amministrazzjoni.
L-għalliema li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt jgħidu wkoll li minħabba l-bini l-ġdid, investimenti li saru fil-Middle School jistgħu jintilfu, fosthom il-librerija li ġiet irrinovata s-sena l-oħra.
B'dan l-iżvilupp hu mistenni wkoll li jkompli jitnaqqas il-parkeġġ fir-Rabat minħabba li parti mill-estensjoni tal-iskola se tinbena fuq il-parkeġġ li hemm biswit stabbikiment kummerċjali fi Triq Fortunato Mizzi.
Mhux eskluż li jintilfu fondi tal-Unjoni Ewropea li l-Iskola ħadet fuq il-laboratorji aktar attrezzati.

B'dan l-iżvilupp hu mistenni wkoll li jkompli jitnaqqas il-parkeġġ fir-Rabat minħabba li parti mill-estensjoni tal-iskola se tinbena fuq il-parkeġġ li hemm biswit stabbikiment kummerċjali fi Triq Fortunato Mizzi.
Fil-Parlament, din il-ġimgħa, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex Chris Said staqsa dwar dan il-proġett, bil-Ministru Bartolo jagħti l-informazzjoni marbuta mal-applikazzjoni tal-Ippjanar u l-isem tal-Perit.
Il-Ministru Bartolo qal li “l-pjanti relatati ma' dan il-proġett għadhom mhumiex finali peress li għaddejjin xi diskussjonijiet dwarhom”.
Sentejn ilu kien tħabbar li se tinbena skola ġdida għall-Primarja fir-Rabat Għawdex.
X’ġara fl-aħħar ġimgħat?
Frar 2018: L-għalliema u l-amministrazzjoni jiffirmaw petizzjoni biex jiltaqgħu mal-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo 28 ta' Frar: F'ittra miftuħa lill-Ministru, l-għalliema jikkritikaw il-bini ta' skola ġdida
1 ta' Marzu: L-għalliema jipparteċipaw f'laqgħa ta' Gvern li Jisma’. It-tema tal-laqgħa kellha tkun l-edukazzjoni ġenerali iżda l-għalliema jippreżentaw l-ittra u jitolbu lill-Ministru jirrikunsidra l-pożizzjoni tiegħu
2 ta' Marzu: Uffiċjali mill-Ministeru għall-Edukazzjoni jiltaqgħu mal-amministrazzjoni tal-Middle School u tal-Iskola Primarja tar-Rabat Għawdex iżda mhux mal-għalliema.
Ritratti: Beppe Galea