L-għalliema jridu iktar paga

L-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) talbet lill-Gvern biex jikkunsidra jgħolli l-pagi u jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-għalliema.
L-Unjin qalet dan fi stqarrija wara li l-korsijiet universitarji sabiex wieħed jilħaq għalliem qed dejjem jaraw inqas studenti.
Kompliet tgħid li tinsab lesta biex tiddiskuti mal-Gvern sabiex jiġu attirati l-aqwa persuni għal din il-professjoni, kif ukoll jinżammu dawk li diġà jgħallmu.
Fost l-oħrajn l-MUT qed tipproponi li kulħadd jiżdied fil-paga, minn Kindergarten Assistants sa Uffiċjali Edukattivi u Tekniċi.
Dil-ġimgħa fil-Parlament il-Ministru għall-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, qal li se jitwaqqaf grupp ta’ ħidma sabiex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni.
Barra minn hekk, tkompli l-istqarrija, intalab ukoll li l-Gvern jagġmel li jista’ biex iwieżen lill-Fakultà tal-Edukazzjoni fl-Università ta’ Malta billi jipprovdi opportunitajiet ġodda għal dawk li diġà qed jaħdmu imma jonqoshom aktar taħriġ fil-pedagoġija.
Issemma ukoll il-Qafas tal-Kisbiet mit-Tagħlim, l-LOFs, li wara diskussjoni nazzjonali mhux se jiġu implimentati minn Settembru li ġej.
L-istqarrija ttemm tgħid li l-Gvern għandu issa ċ-ċans li jimmaniġġja dawn l-isfidi bi ftehimiet settorjali li reġgħu ġew fis-seħħ. Tgħid li fl-ekonomija b’saħħitha li hawn bħalissa l-MUT imħeġġa sabiex tinnegozja għall-ġid tal-ħaddiema u l-pajjiż.