L-għalliema jqisu li jkunu huma li jiddeċiedu dwar l-użu tat-tablets

L-għalliema jqisu li l-użu tat-tablets fost l-istudenti għandha tkun diskrezzjoni tal-edukaturi.
Dan jirriżulta mill-konklużjonijiet ta’ stħarriġ li sar mill-unjin tal-għalliema dwar il-proġett pilota tat-tablets.
L-istħarriġ sar ix-xahar li għadda u ħadu 422 għalliem li minnhom 49 huma involuti direttament fil-proġett pilota.
Mill-istħarriġ jirriżulta wkoll li l-għalliema jridu li jingħataw taħriġ komprensiv qabel jidħol fis-seħħ l-użu tat-tablets fl-iskejjel.
Apparti minn hekk iqisu li jridu ikun hemm l-infrastruttura meħtieġa, policies definiti għall-edukaturi u linji gwida għall-ġenituri dwar ir-responsabbilità li ġġorr magħha l-użu tat-tablets.
L-għalliema qalu wkoll li fit-tablets għandu jiġi nstallat software ta’ monitoraġġ fuq dak li l-istudenti jkunu qegħdin jaraw.
Mill-istħarriġ fost l-għalliema jidher li m’hemmx qbil jekk l-istudenti għandhomx jieħdu t-tablets magħhom id-dar jew iżommuhom l-iskola.
L-MUT qalet li dan jindika li hemm tħassib fost l-għalliema dwar min se jkun responsabbli mit-tablets speċjalment f’każ li jitkissru.
Il-unjin tal-għalliema qed tappella dwar il-manutenzjoni tat-tablets sabiex ma jerġax jiġri dak li ddeskrivet bħala fjask dwar il-manutenzjoni tal-laptops tal-għalliema. Qalet li dan huwa kruċjali biex l-użu tat-tablets ma jtirx mar-riħ fi ftit snin. Il-unjin sostniet li fadal numru ta’ mistoqsijiet li għadhom mhux imwieġba dwar il-proġett, One tablet per Child fosthom min se jipprovdi t-tablets, liema sistema operattiva se tintuża u jekk it-tablets hux se jkunu parti mit-teknoloġija diġà preżenti fil-klassijiet fosthom l-interactive whiteboards.