L-għalliema “joħorġu mil-limbu” fil-jiem li ġejjin

Il-ftehim settorjali bejn l-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) u l-Gvern dwar żidiet fil-paga, fost l-oħrajn, se jkun ippubblikat fil-jiem li ġejjin.
Dan il-ftehim kien tħabbar f’Novembru li għadda, wara li l-Gvern kien ilu jgħid li jrid jipprova jirranġa s-sitwazzjoni mal-għalliema f’Malta f’dak li għandu x’jaqsam il-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Madankollu kienu bosta l-għalliema li tkellmu fuq il-mezzi soċjali u ma’ Newsbook.com.mt li jinsabu fil-limbu dwar dan il-ftehim. Huma qalu li la jafu b’kemm se tiżdied il-paga u lanqas meta se jeħduha.
Illum Newsbook.com.mt jista’ jikkonferma li l-ftehim se jkun ippubblikat fil-jiem li ġejjin, kif ikkonferma kelliem għall-MUT.
Kompla jgħid li dan il-ftehim ġie ffirmat fil-21 ta’ Diċembru u jkopri ħames snin sal-aħħar tal-2022. Dan ifisser li ż-żidiet fil-pakkett finanzjarju se jkunu f'dan il-perjodu.
Il-gradi kollha tal-edukaturi, inkluż is-supply, se jiżdiedu fil-paga.
Ftehim settorjali li kellu jżid il-paga tal-edukaturi b'20%
Meta ntlaħaq il-ftehim f’Novembru li għadda, kien intqal li l-edukaturi se tiżdidilhom il-paga b’aktar minn 20%, kif kienet talbet l-MUT. Madankollu fit-tweġibiet li llum bagħat is-segretarju tal-MUT lil Newsbook.com.mt  ma ssemmew ebda ċifri dwar dan.
Huwa sostna li l-membri tal-MUT jafu li dan il-ftehim se joħroġ fil-pubbliku fil-jiem li ġejjin, u enfasizza li kull qlajja dwaru hija qarrieqa, speċjalment meta, fi kliemu, “dan il-ftehim fih ħafna benefiċċji għall-gradi kollha tal-edukaturi.”
Żied jgħid li dan il-ftehim settorjali huwa l-akbar ftehim li l-unjin innegozjat peress li jirrigwarda eluf ta' membri.
Għaldaqstant fisser li sar proċess demokratiku li inkluda konsultazzjoni wiesgħa permezz ta' laqgħat għall-gradi kollha u anki sondaġġ onlajn.
L-istqarrija ttemm tgħid li kull rappurtaġġ intenzjonat li jimmina l-għaqda bejn l-edukaturi, billi juża’ dan il-ftehim huwa qarrieqi u jaf jippreġudika negozjati pendenti, inkluż dak għall-iskejjel tal-Knisja.