L-għalliema jitolbu laptops aħjar u inqas tqal

Eżattament xahar qabel il-bidu ta’ sena skolastika oħra, il-Unjin tal-Għalliema qed tappella lill-Gvern biex isib soluzzjoni dwar il-laptops antiki tal-għalliema.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li diversi l-għalliema lmentaw mal-unjin dwar is-sitwazzjoni tal-laptops u dan wara l-investiment li sar fl-interactive whiteboards u fl-e-learning platform.
Xi għalliema wasslu l-ilment li l-batterija tal-laptop mogħti lilhom ma ġietx mibdula hekk kif mingħajr power supply il-laptop tagħhom jintefa’.
Jirriżulta li diversi għalliema qed jistennew li jkollhom laptops aktar effiċjenti u inqas tqal.
Qed jingħad ukoll li kull perjodu ta' snin, jista' jkun li l-għalliema jibdew jingħataw somma flus biex jixtru huma l-laptop, eżatt bħalma jagħmlu t-tobba.
Il-Unjin tal-Għalliema qalet li mhux teskludi li tagħti direttivi hekk kif kawża ta’ din is-sitwazzjoni diversi għalliema se jkollhom diffikultajiet kbar fil-qadi ta’ dmirijiethom.
Qalet ukoll li minkejja d-diskussjonijiet li saru dwar l-importanza tal-laptops, il-Kindergarten Assistants u l-Learning Support Assistants għadhom sal-lum il-ġurnata mingħajr laptops.