Aġġornata: L-għalliema jistrajkjaw fit-8 ta’ Novembru

Il-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) ordnat lill-għalliema ta’ kull klassi fl-iskejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jistrajkjaw nhar l-Erbgħa 8 ta’ Novembru.
Wara laqgħa li kellha dalgħodu mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, l-MUT qalet li ħadet din id-deċiżjoni minħabba li l-Gvern ma kkooperax magħha f’negozjati dwar il-pagi tal-għalliema, u ppropona biss li jżid il-pagi tal-għalliema b’5%.
Għalhekk, il-unjin iddikjarat li se tkun qed tressaq 50 direttiva lill-għalliema ta’ kull klassi fl-iskejjel tal-Gvern u tal-Knisja. L-ewwel direttivi se jidħlu fis-seħħ it-Tnejn li ġej, fit-30 t’Ottubru.
Il-unjin qed tordna wkoll li l-għalliema tal-MCAST u l-ITS jistrajkjaw għal siegħa fit-8 ta' Novembru, dakinhar li jistrajkaw l-għalliema tal-iskejjel tal-Gvern u tal-Knisja.
Il-Gvern jistieden lill-MUT biex jiddiskutu l-pagi
Ftit wara li l-MUT sejħet għal azzjoni industrijali, il-Gvern stieden lill-unjin għal laqgħa biex ikomplu jinnegozjaw il-proposti għal żieda fil-paga tal-għalliema, bl-għan li jiġi ffinalizzat il-ftehim fl-aħjar interess tal-gradi kollha tal-edukaturi.
Fi stqarrija, il-Gvern stqarr li dan l-aħħar sar progress miż-żewġ naħat fin-negozjati ta’ dan il-ftehim mal-MUT, iżda għad hemm proposti li ma ntlaħaqx ftehim dwarhom. 
"Konferma li l-Gvern m'għandux pjan" – PN
Il-Partit Nazzjonalista rreaġixxa għall-aħbar tal-istrajk, u qal li dan id-diżgwid juri kemm il-Gvern m'għandux pjan għall-għalliema.
"L-għalliema f’pajjiżna mhux iħossu s-surplus li qed jitkellem dwaru l-Gvern. Minflok, l-għalliema qed jiffaċċjaw kriżi, kemm fil-kundizzjonijiet kif ukoll fir-rispett li għandhom igawdu", temm jgħid il-PN.
"Il-PN jikkummenta dwar problema li ħoloq hu" – PL
B'reazzjoni għall-PN, il-Partit Laburista qal li l-PN jgħaġġel jaqbeż fuq kull kwistjoni li jaħseb li jista' jieħu kapital politiku minnha. Żied jgħid li anke fil-kwistjoni tal-għalliema, il-pajjiż qed jibda' mill-qiegħ, għax fi kliemu, għal snin twal gvernijiet tal-PN injoraw il-ħtiġijiet ta' din il-professjoni.