L-għalliema jinżlu fl-arena u joħorġu x-xwabel

Il-ftehim settorjali tal-għalliema u t-twaqqif tal-unjin il-ġdida qajmu diskussjoni sħiħa fuq il-midja soċjali bejn l-għalliema u kif jiġri kważi dejjem, il-partiġġjaniżmu politiku daħħal denbu wkoll.
Kien Newsbook.com.mt li ppubblika l-ftehim sħiħ li sar bejn il-Gvern u l-Unjin Maltija tal-Għalliem (MUT) u dan qajjem diskussjoni sħiħa għax skont diversi għalliema, iż-żieda kienet inqas minn dik imwiegħda.
Iż-żieda spiċċat ballun politiku. L-għalliema li ħassewhom ‘traduti’ qed ikunu meqjusa ‘Nazzjonalisti’ minn dawk pożittivi dwar iż-żieda u jfakkruhom “li taħt Gvern Nazzjonalista l-għalliema qatt ma ħadu xejn”.
Dawn jerġgħu jwieġbu lill-għalliema deskritti “Laburisti” u jfakkru fi żmien Ugo Mifsud Bonnici meta l-għalliema ħadu l-istatus ta’ professjonisti.
Għalliema oħra ħadu t-triq tan-nofs u insistew li Ugo Mifsud Bonnici u Evarist Bartolo kienu l-aktar żewġ Ministri li ħarġu għonqhom għall-għalliema.
Jekk l-għalliema maqsuma dwar iż-żieda, l-istess huma dwar il-unjin il-ġdida li waqqfu Rita Catania, David Rossi u George Debono wara li rriżenjaw mill-MUT.
 

Kien hemm min qabel mad-deċiżjoni tagħhom u fetaħ il-kanuni fuq l-MUT, iżda oħrajn akkużawhom li telqu għax l-għalliema mhux kuntenti, iżda li kieku ġara bil-kontra kienu se jibqgħu biex jieħdu l-mertu.
Oħrajn akkużawhom li lanqas huma ma qabżu għall-għalliema waqt li edukaturi oħra spjegaw kif il-vot tagħhom ma kienx biżżejjed u ffurmaw unjin ġdida biex “ikomplu jaqbżu għalina.”
 

Għalliema oħra fakkru lill-oħrajn li dawn it-tliet persuni kienu ilhom 11-il sena membri tal-MUT u allura jistaqsu: “x’ħa jinbidel issa?”
 

Dwar il-fatt li l-Union of Professional Educators (UPE) se tkun fergħa tal-Unjin Ħaddiema Magħqudin – Voice of the Workers, kien hemm min ma qabilx u qal li “għal raġunijiet ovvji” l-unjins tal-għalliema m’għandhom ikunu fergħa tal-ebda unjin oħra.
Forsi l-aktar kumment intelliġenti kien ta’ għalliem li wara li qara l-kummenti kollha, li xi wħud minnhom ma tindunax li ġejjin minn għalliema, jikkonkludi u jgħid: “Ejja nkunu magħqudin inkella ma naslu qatt.”