L-għalliema għandhom ikunu esperti fl-umanità wkoll – L-Isqof Grech

Anthony grech

Read in English.

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li l-għalliema m’għandhomx ikunu esperti biss fis-suġġett tagħhom iżda għandom ikunu esperti fl-umanità wkoll biex b’hekk isiru jafu sew lill-istudenti.

L-ittra tal-Isqof inqrat waqt il-quddiesa li saret it-Tnejn filgħodu fl-okkażjoni tal-bidu tas-sena skolastika. Il-quddiesa tmexxiet minn Monsinjur Tarċisju Camilleri, Vigarju Ġenerali flimkien ma’ diversi saċerdoti li jagħtu servizz fl-iskejjel. Għal din il-quddiesa kien hemm mistiedna l-edukaturi kollha li jaħdmu fil-Knejjes kemm tal-Istat u dawk tal-Knisja f’Għawdex.

Fl-ittra tiegħu l-Isqof qal li ż-żmien tal-adolexxenza u taż-żgħożija huwa żmien sabiħ u delikat fejn jibdew jittieħdu l-orjentamenti tal-ħajja. Huwa spjega li f’dan iż-żmien l-edukazzjoni hija importanti sabiex l-istudenti jagħrfu dak li jridu mill-ħajja. Semma li jekk iż-żgħażagħ ma jagħrfux xi jridu f’ħajjithom jistgħu jagħmlu deċiżjonijiet żbaljati u jgħarrqu ħajjithom.

L-Isqof żied li mhux l-ewwel darba li student jibda kors u jiddeċiedi jieqaf għax jagħraf li mhux dak li veramnet jixtieq jagħmel. Hemm studenti oħra li jiddeċiedu li jieqfu mill-istudju ħesrem u oħrajn li jagħmlu dak li jixtiequ l-ġenituri tagħhom bil-konsegwenza li qatt ma jkunu kuntenti f’xogħolhom. Fakkar li l-irwol tal-edukaturi huwa li jkunu gwida għall-istudenti biex jagħmlu l-għażliet li jkunu kuntenti bihom u b’hekk jikkontribwixxu għal soċjetà isbaħ.

Mons. Mario Grech żied li kull persuna għandha vokazzjoni u jekk  persuna tagħmel xogħol li mhux maqtugħa għalih tbati hi u ta’ madwara. Spjega li fi kliem il-Papa Franġisku li meta persuna tagħraf il-vokazzjoni tagħha tkun qed toħroġ għad-dawl l-aħjar ħiliet tagħha ta’ sagrifiċċju, ġenerożità u dedikazzjoni.

Huwa appella lill-għalliema biex jgħinu lill-istudenti jsibu l-vokazzjoni tagħhom. Fost dawn il-vokazzjonijiet jista’ jkun hemm dawk spiritwali u speċifikament dik għall-ħajja saċerdotali u kkonsagrata lil Alla. Għalhekk ħeġġeġ lill-għalliema biex jekk xi student ikollu din il-vokazzjoni jgħinuh ħalli din il-fjamma ma tintefiex.

L-Isqof t’Għawdex Mario Grech talab l-interċessjoni tal-Madonna, biex kif l-Ispirtu s-Santu għamel minnha edukatriċi ta’ Ġesù u ta’ ħafna mid-dixxipli tiegħu hekk l-istess Spirtu s-Santu jieqaf mal-edukaturi fl-impenji vokazzjonali tagħhom.