L-għalliema fl-iskejjel tal-Knisja se jieħdu ż-żidiet minn Mejju

Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Evarist Bartolo, qal li l-għalliema fl-iskejjel tal-Knisja għadhom ma ħadux iż-żidiet li dwarhom intlaħaq ftehim nnegozjat mal-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT).
Bartolo kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia, fejn qal li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u s-Segretarjat għall-Iskejjel tal-Knisja qablu li s-salarji ta’ Mejju se jirriflettu ż-żidiet, u sa Ġunju l-arretrati kollha jkunu mħallsa.
Il-Ministru qal li l-proċess li bih jitħallsu l-gradi tal-edukaturi impjegati mal-Iskejjel tal-Knisja, huwa differenti minn dawk tal-edukaturi fl-Iskejjel tal-Istat.
Hu spjega li waqt li l-Ministru joħroġ direttament is-salarji għall-gradi tal-edukaturi impjegati fl-Iskejjel tal-Istat, fil-każ tal-għalliema tal-Iskejjel tal-Knisja, il-Ministeru jibgħat il-fondi meħtieġa biex ikopri dawn is-salarji lis-Segretarjat għall-Iskejjel tal-Knisja li mbagħad joħroġ is-salarji tal-edukaturi li jinsabu fl-Iskejjel tal-Knisja.