L-għalliema fl-Ingilterra bi €33,000 paga sal-2022/23

Il-pagi tal-għalliema ġodda fl-Ingliterra jistgħu jitilgħu għal ftit aktar minn €33,000 sas-sena 2022-23.

Il-BBC qal kif l-Unions semmew li din iż-żieda hija neċessarja u importanti sabiex persuni li għadhom kemm jigradwaw jidħlu għal din il-professjoni.

Intant, il-Ġimgħa ġie propost investiment multi biljunarju fl-iskejjel Ingliżi fi żmien tliet snin, filwaqt li l-Kanċillier Sajid Javid wiegħed investiment ta’ €440 miljun fl-edukazzjoni ta’ persuni bejn 16 u 19-il sena.

Is-salarju minimu tal-għalliema fl-Ingilterra u Wales, eskluż f’Londra, bħalissa jammonta għal ftit aktar minn €26,000. Intant, il-paga minima tal-professjoni f’Londra hija dik ta’ madwar €32,000.

Dr Mary Bousted, is-Segretarju Ġenerali tan-National Education Union qalet li ż-żieda fil-pagi tal-għalliema hija fundamentalment neċessarja jekk il-Gvern irid li jkun hemm biżżejjed persuni gradwati li jgħażlu li jmorru jgħallmu.