“L-istrajk tal-għalliema suċċess kbir”; il-Ministeru se jindirizza l-inkonvenjent għall-ġenituri

Aġġornat 06:09 PM

Miżuri addizzjonali ta' superviżjoni fl-iskejjel wara li l-għalliema ma attendewx

Read in English.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni, Justyne Caruana ħabbret fuq Facebook li għaddejja evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fl-iskejjel u qed jaraw soluzzjonijiet differenti.

“Ftit sigħat qabel infetħu l-iskejjel wara l-vaganzi tal-Milied ġejna rinfaċċjati b’azzjoni industrijali fejn l-għalliema ġew ordnati ma jirrapurtawx għax-xogħol. Nifhem l-inkonvenjent li nħoloq lill-ġenituri u kommessi nindirizzaw dan l-inkonvenjent għal gid ta’ wliedna. Il-kordinazzjoni mal-Awtoritajiet tas-Saħħa għaddejja b’mod kontinwu,” kitbet il-Ministru.

Bhalissa qed naghmlu evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fl-iskejjel u qed naraw soluzzjonijiet differenti. Ftit sighat qabel…

Posted by Justyne Caruana on Wednesday, January 6, 2021

Illum l-iskejjel fetħu u l-għalliema huma mistennija jirrapportaw fl-iskejjel b’mod normali u jonoraw l-obbligi tax-xogħol tagħhom, sostniet il-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana f’post fuq Facebook, aktar kmieni l-Ħamis filgħodu.

Fil-post tagħha fuq Facebook Caruana qalet wkoll li l-Ministeru ha miżuri addizzjonali biex ikun hemm superviżjoni fl-iskejjel f’każ li għalliema ma jattendux.

Illum l-iskejjel ser jifthu u l-ghalliema huma mistennija jirrapportaw fl-iskejjel b’mod normali u jonoraw l-obbligi…

Posted by Justyne Caruana on Wednesday, January 6, 2021

Newsbook.com.mt irċieva informazzjoni li fi skola primarja partikolari kien hemm ġenituri li dalgħodu ħadu lit-tfal tagħhom l-iskola iżda kien hemm biss għalliema waħda biex tiehu ħsieb lill-istudenti tal-Primarja.

Jirriżulta wkoll, skont l-informazzjoni li rċieva dan is-sit elettroniku, li lill-istudenti qalulhom biex joqogħdu bilqegħda peress li m’hemmx għalliema b’konsegwenza li ħafna ġenituri ddeċidew li jieħdu lit-tfal tagħhom lura d-dar.

Illum l-iskejjel ser jifthu u l-ghalliema huma mistennija jirrapportaw fl-iskejjel b’mod normali u jonoraw l-obbligi…

Posted by Justyne Caruana on Wednesday, January 6, 2021

L-istrajk suċċess kbir – l-MUT

L-MUT iddikjarat li l-istrajk li beda dalgħodu fl-iskejjel huwa ta’ suċċess kbir. “Dan juri biċ-ċar li l-edukaturi m’humiex lesti li jitmexxew fid-dlam minn Ministru irresponsabbli meta s-sitwazzjoni tal-pandemija timmerita analiżi u azzjoni, kif qalu l-awtoritajiet tas-saħħa stess fil-konferenza stampa tal-bieraħ, sabiex kulħadd ikollu s-serħan tal-moħħ li l-iskejjel huma siguri,” qalet l-MUT.

Fi stqarrija maħruġa l-ġimgħa filgħodu l-union appellat lill-awtoritajiet tas-saħħa u dawk edukattivi sabiex minnufih issir l-analiżi tas-sitwazzjoni tal-pandemija u l-effetti fuq l-edukaturi, it-tfal u l-familji, sabiex dawn jirritornaw għat-tagħlim b’mod fiżiku bil-miżuri kollha meħtieġa.

L-MUT ikkundannat il-pożizzjoni tal-Ministru tal-Edukazzjoni u qalet li b’mod mill-aktar irresponsabbli baqgħet tgħid li l-iskejjel ser ikunu miftuħin b’mod normali. Dan meta f’sigħat ta’ paniku totali, il-Ministeru beda jċempel bl-addoċċ lil kull min deherlu li seta jmur fl-iskejjel biex jiftaħhom, sostniet il-union.

Tkompla jingħad li “l-irresponsabbiltà dehret b’mod ċar ukoll meta l-istess Ministru ppruvat tiġġustifika d-deċiżjoni tal-Gvern li ddiskrimina bejn is-setturi, billi sostniet li t-tagħlim online m’huwiex ta’ kwalità. Dan jarmi u jinsulta l-isforzi kollha li għamlu l-edukaturi kollha fil-perjodu li l-iskejjel kienu magħluqin, liema tagħlim online tkompla wkoll bl-iskejjel miftuħin inkluż l-iskola virtwali li twaqqfet apposta f’dan iż-żmien.”

L-MUT ikkundannat wkoll lil kull min qiegħed jipprova jitfa’ f’dawl ikrah fuq l-edukaturi u qalet li se tkompli tħares l-interessi tal-edukaturi, l-istudenti u l-familji.

Il-bieraħ il-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) iddikjarat strajk, wara “li l-Prim Ministru ma aċċettax li dawn il-jumejn il-lezzjonijiet isiru online bħalma se jagħmlu l-iskejjel tal-Knisja”. Dan l-istrajk qiegħed jiġi appoġġjat ukoll mill-Unjon tal-Edukaturi Professjonisti (UPE).

  • Il-UPE tappoġġja d-direttivi tal-MUT
  • L-MUT tallega li l-Gvern qiegħed juża lill-kapijiet tal-iskejjel biex ma jseħħx l-istrike
  • Il-Gvern isejjaħ l-azzjoni tal-MUT illeġittima

Dan l-istrajk ma japplikax għall-iskejjel li aktar kmieni ddikjaraw li se jkunu qegħdin iwasslu t-tagħlim online jiġifieri l-iskejjel tal-Knisja u dawk Indipendenti.  

L-istrajk irnexxa 96.5% – UPE

Il-Union tal-Edukaturi Profesjonali, l-UPE fi stqarrija qalet mill-informazzjoni li għandha l-istrajk tal-għalliema kellu suċċess ta’ 96.5%.

Il-UPE qalet li xi skejjel illum kellhom massimu ta’ 9 edukaturi li marru għax-xogħol filwaqt li skejjel oħrajn ma fetħux. Il-union irringrazzjat lill-membri tagħha talli imxew mal-istrajk.

Sadanittant, il-UPE qalet li qed tistenna mingħand il-gvern biex jitkellem mal-union dwar x’se jkun il-pass li jmiss f’din is-sitwazzjoni.

It-tfal m’għandhomx jintużaw bħala pedina – MAPSSS

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ġenituri ta’ Studenti fl-Iskejjel tal-Istat (MAPSSS) insistiet li jiġri x’jiġri, id-dritt fundamentali għall-edukazzjoni għandu jiġi rispettat, u li t-tfal m’għandhom qatt jintużaw bħala pedina.

Il-MAPSSS qalet ukoll li fid-dawl tan-numru rekord ta’ każi ta’ Covid-19 imħabbra nhar il-Erbgħa, u l-ammissjoni li żieda fil-każijiet mistennija fil-jiem li ġejjin, l-iskejjel kollha għandhom jadottaw l-istess strateġija kif kien ġara fil-bidu tal-pandemija bejn Marzu u Ġunju tas-sena l-oħra.

L-assoċjazzjoni esprimiet tħassib dwar l-informazzjoni kunfliġġenti li qed tasal għand il-ġenituri, li wasslet għal studenti jispiċċaw fit-triq u ġenituri mitluba jiġbru lill-uliedhom ftit ħin wara li kineu nfurmati li l-iskejjel se jiftħu b’mod normali minkejja l-istrajk li kien se jsir.

Qalet li jekk jiġi kkunsidrat wisq riskjuż li l-lezzjonijiet ikomplu fil-klassi, it-tfal għandhom jiġu offruti lezzjonijiet onlajn sa ma tinbidel is-sitwazzjoni, u ġenituri li jaħdmu u min iħaddimhom għandhom jirċievu l-appoġġ meħtieġ.

Però żiedet li kien ta’ tħassib kbir li minkejja diversi assigurazzjonijiet fl-aħħar xhur, f’daqqa waħda l-Ministeru tal-Edukazzjoni jindika li s-sistema onlajn mhux “up to scratch.”

Mhux sew li l-istudenti jibqgħu fil-għama – SDM

L-Istudenti Demokristjani Maltin (SDM) qalu li filwaqt li jirrispettaw id-dritt tal-edukaturi li jagħmlu strajk, kienu ddiżappuntati bil-mod kif l-istudenti tħallew fil-għama.

“Studenti ma jixirqilhomx jitħallew fil-għama, speċjalment f’sitwazzjoni li se jkollha effett dirett fuq l-edukazzjoni tagħhom. Hemm bżonn kjarifika fuq jekk se jsirux lezzjonijiet fil-jiem li ġejjin – online jew mhux,” qalet l-assoċjazzjoni.

“Is-sitwazzjoni mhux tort tal-istudenti, u l-istudenti m’għandhomx ibatu l-konsegwenzi.”

SDM stiednet kull student li għandu mistoqsijiet jew tħassib biex jikkuntattjahom b’mod kunfidenzjali fuq info.sdmmalta@gmail.com.