“L-għalliema bi musical chairs” – MUT

Il-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) qed titlob laqgħa urġenti mal-Ministeru għall-Edukazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-għalliema li fi kliemha ġiet ridotta għal “Musical Chairs.”
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, li matulha tnediet iċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Dinji tal-Għalliema, iċċelebrat għada, l-MUT ilmentat dwar nuqqas ta’ għalliema u anke LSAs f’diversi skejjel.
Il-Unjin saħqet li dan qed jaffettwa ħażin l-edukazzjoni u s-servizzi offruti f’diversi skejjel u ċentri.
Apparti minn hekk, ilmentat għal fatt li diversi edukaturi qed jiċċaqilqu kompletament biex jimlew postijiet vakanti, iżda fl-istess ħin joħolqu lakumi oħra fis-servizz.
Tkellmet ukoll dwar in-nuqqas ta’ LSAs disponibbli u li qed joħolqu diffikultajiet fis-servizz offrut lill-istudenti.
L-MUT ikkritikat ukoll it-tibdil riċenti fl-Avviżi Legali li jaffettwaw direttament lill-Istitut għall-Edukazzjoni.
Iddeskriviet bħala inaċċettabbli li l-Ministru issa jista’ jagħżel hu persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet dwar diversi programmi ta’ taħriġ għall-edukaturi mingħajr konsultazzjoni.
Il-President, Marco Bonnici insista li “l-MUT tħoss li filwaqt li f’ġurnata l-Ministru jitkellem dwar ir-rispett u t-titjib tal-kundizzjonijiet, l-għada jittieħdu dawn id-deċiżjonijiet li huma eżattament l-oppost ta’ dak ippritkat.”

Ritratt: Arkivji