L-għalliem li jara ritratti tan-nisa fil-klassi investigat mill-pulizija

Il-pulizija qed tinvestiga l-każ tal-għalliem li nqabad mill-istudenti stess jara ritratti tan-nisa fil-klassi waqt il-lezzjonijiet.  
Tnax-il ġurnata ilu Newsbook.com.mt żvela li għalliem fl-iskola primarja tal-Qrendi kien qed jagħmel użu ħażin mil-laptop tal-iskola billi jara ritratti mhux xierqa u joqgħod fuq Facebook filwaqt li t-tfal jagħmlu li jridu fil-klassi.
Kelliem għall-Ministeru tal-Edukazzjoni ikkonferma li l-każ issa jinsab f'idejn il-pulizija.
Min-nhar it-Tnejn li għadda għalliema ġdida ħadet post l-għalliem involut fil-każ li kien jgħallem il-ħames sena tal-primarja.
Għal mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt , il-Ministeru qal li ‘mhix policy tal-Ministeru tal-Edukazzjoni li jbiddel l-għalliema sakemm ma jkunx hemm raġuni eċċezzjonali.’
L-għalliema li daħlet fl-iskola tal-Qrendi hi għalliema ġdida u għaldaqstant ma kienx hemm bżonn li xi ħadd joħdilha postha fl-iskola fejn kienet qabel. 

Fil-21 ta’ Frar, grupp ta’ ġenituri nġabru quddiem l-Iskola Primarja tal-Qrendi fi protesta biex jitneħħa dan l-għalliem. Missier ta’ wieħed mit-tfal qal ma’ Newsbook.com.mt li kienu ilhom jiġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet min-Novembru li għadda.

Ħalli kumment hawn b'ismek u kunjomok.