L-għalliem għandu jagħti esperjenza li minnha joħroġ ħafna ġid – L-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Sciclna sostna li l-għalliem għandu jagħti garanzija u esperjenza li minnha joħroġ ħafna ġid.

Waqt id-diskors tal-inawgurazzjoni tal-bini l-ġdid tal-Malta Union of Teachers (MUT) fil-Ħamrun, Mons. Scicluna semma lill-Qaddis Malti San Ġorġ Preca u fakkar il-kliem li kien jgħid li ‘t-tagħlim huwa l-għajn ta’ kull ġid’.  Filwaqt li sellem lill-għalliema kollha, stqarr li din l-inawgurazzjoni fakkritu fl-għalliema li għallmuh matul iż-żmien.

L-Arċisqof żied jgħid li t-tfal li qed jgħixu f’familja pjuttost żgħira, l-iskola hija waħda mill-mezzi prinċipali li fihom jissoċjalizzaw. Huwa spjega li ħafna drabi l-iskola hija l-post li fih it-tfal jesperjenzaw kif għandhom jgħixu ma’ ħaddieħor, kif jegħlbu kunflitt u forsi wkoll jesperjenzaw l-imħabba li jkunu mixtiqin minnha. Fisser, li għalhekk l-għalliema jinvestu ammont kbir ta’ enerġija f’dawn l-affarijiet, li għalkemm mhumiex akkademiċi huma essenzjali għall-formazzjoni tat-tfal.

Mons. Scicluna fakkar li mitt sena ilu nħass il-bżonn li jkun hawn rappreżentazzjoni tal-għalliema minħabba li fl-assemblea nazzjonali ma kienx hemm din ir-rappreżentanza. Irringrazzja lill-MUT għall-kontribut tagħha biex Malta tkun demokrazija ħielsa.

“Il-Ħamrun beda jilqa’ komunitajiet differenti”

L-Arċisqof qal li l-fatt li l-MUT imxiet mill-Belt għall-Ħamrun għandu sinifikant profond ħafna. Huwa spjega li l-Ħamrun mexa minn raħal kummerċjali għal dak li fih qed jilqa’ komunitajiet differenti ta’ persuni minn kulturi differenti u li dan wieħed jista’ jarah bl-ammont ta’ ħwienet tal-ikel minn kulturi differenti. Stqarr li dawn qed jippruvaw iwieġbu għal esiġenza konkreta tas-soċjetà.

Għalaq billi rringrazzja lill-għalliema u lill-MUT tax-xogħol tagħhom u berikhom.

“Spazju tajjeb għal servizz aħjar”

Il-President tal-MUT Marco Bonnici waqt id-diskors tiegħu qal li jinsab kburi li l-unjin għandha spazju tajjeb minn fejn tista’ tagħti l-aħjar sevizz lill-membri tagħha. Huwa qal li din is-sena l-unjin tagħlaq mitt sena minn mindu ġiet imwaqqfa. Huwa rringrazzja lill-uffiċjali, lill-membri tal-kunsill, id-delegati u l-membri li kienu hemm sa mill-bidu ta’ din l-għaqda.