Awdjo: “L-għajta ‘Malta tagħna lkoll’ kienet waħda qarrieqa” – Simon Busuttil

Waqt meeting fl-okkażjoni tal-Indipendenza, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil ikkritika l-ħatra tal-Kummissarju tal-Pulizija u dak li ddeskriva bħala pressjoni biex il-Kap Kmandant tal-Armata iwarrab.

Qal li mhux trasparenti l-mod kif il-Gvern irid ibiegħ ishma tal-Enemalta.

Busuttil ikkritika wkoll lill-Gvern, li wiegħed mod u issa se jibqa' juża l-Heavy Fuel Oil, li wiegħed il-mediċini quddiem il-bieb u issa jinsabu 'out of stock'.

Simon Busuttil qal li filwaqt li l-persuni tal-billboard ingħata karigi għoljin, il-prezzijiet komplew jogħlew, il-qgħad żdied u l-Fitch naqsu r-rata tal-kreditu ta' Malta.

Simon Busuttil ikkritika wkoll l-inkarigu li ngħata lil mart il-Ministru Konrad Mizzi fil-Malta Enterprise. 

Qal li wasal iż-żmien li l-Gvern joħroġ bi pjan ċar għall-ħolqien tal-impjiegi u pjan ekonomiku.

Busuttil irrikonoxxa żbalji li saru mill-Partit Nazzjonalista fosthom li tilef il-kuntatt man-nies. Sostna li iżda ma sarux dawk li ddeskriva bħala ereżijiet mill-Gvern. 

Sostna li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali bl-għajta tal-meritokrazija u t-trasparenza iżda qed jagħmel kollox minn wara dahar il-poplu.

Enfasizza kif l-għajta 'Malta tagħna lkoll' kienet waħda qarrieqa.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li mhux se jħalli lill-Gvern jikkalpesta dak li ntrebaħ mill-Indipendenza sal-lum u jirrombla fuq in-nies.

Il-meeting tal-Partit Nazzjonalista kien iddedikat minn Simon Busuttil lil Michaela.

Qal li l-istorja ta' Michaela, li tbati b'qalbha, hija simili għal dik tal-poplu Malti u tal-Partit Nazzjonalista li minn dejjem kien fuq quddiem għall-poplu.

Qal li bħala poplu, 49 sena ilu, ksibna l-Indipendenza imma ksibna wkoll il-Ħelsien u sirna Repubblika.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li mill-Indipendenza ksibna l-valuri tagħna u issa huwa d-dmir tagħna li nħarsu dawn il-valuri filwaqt li sellem lil Ġorg Borg Olivier, Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi.

Hawnhekk sostna li l-Partit Nazzjonalista jinsab għaddej minn żmien diffiċli u issa jeħtieġ li jerġa' jqum fuq saqajh.

Fuq il-Fosos tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said.