L-għajta “Barra issa” tidwi fi Brussell

Numru ta’ Maltin li jgħixu fi Brussell ingħaqdu fi protesta dalgħodu quddiem il-Malta House fil-qalba tal-kwartieri tal-Unjoni Ewropea. Malta House jinsab viċin il-binjiet prinċipali kollha tal-Unjoni Ewropea. Id-dimostraturi b’vuċi waħda għajtu: “Barra Issa” u “Shame on You”.

Iktar qabel, il-Membru tal-Parlament Ewropew David Casa, staqsa lill-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea biex tieħu azzjoni f’dan iż-żmien kritiku fejn żviluppi xokkanti qed iseħħu b’rata mgħaġġla.

F’ittra, MPE Casa insista li l-UE għandha d-dover li terġa’ ġġib lil Malta lura fuq saqajha billi tassigura li l-passi meħtieġa qegħdin jittieħdu immedjatament sabiex Malta tkun immexxija tassew mil-liġi.

“Gvern li joqtol liċ-ċittadini fi ħdan pajjiżu stess m’għandux ikun parti mill-UE”, qal il-MPE Casa, waqt li insista li l-Prim Ministru għandu jirreżenja immedjatament.

Proud to have joined members of the Maltese community in protest outside Malta House, demanding justice for Daphne Caruana Galizia.We will not stand down.

Posted by David Casa on Thursday, December 12, 2019

Intant, jidher li l-Prim Ministru Joseph Muscat jista’ jkollu diffikultajiet fis-Summit tal-UE li ġej. Sorsi infurmati qalu lil Newsbook.com.mt li hemm diversi kapijiet ta’ stat li mhux biss ma jħossuhomx komdi bis-sitwazzjoni kurrenti ta’ Malta imma li mhumiex wisq ħerqana biex jiltaqgħu mal-Prim Ministru Malti.

MPE David Casa kiteb fuq Twitter li fi Brussell ma jistgħux jemmnu kif Joseph Muscat qed jibqa’ ggranfat mas-siġġu tal-poter taħt dawn iċ-ċirkostanzi. “In-nies irrabjati, kemm hawn u kemm Malta. Il-komunità Maltija fi Brussell se ssemma’ l-vuċi tagħha wkoll qabel is-summit tal-Kunsill tal-UE. Jien se nkun fosthom” kompla l-MPE fuq Twitter.