“L-għajnuna lill-istudenti Għawdxin trid tiżdied skont l-għoli tal-ħajja”

L-eżamijiet, it-trasport pubbliku u iktar korsijiet fil-kampus tal-università f’Għawdex kienu fost is-suġġetti li l-Grupp Universitarji Għawdxin iddiskutew mal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Ftit wara l-laqgħa, Newsbook.com.mt tkellem ma’ Ryan Mercieca, il-President tal-GUG li fi kliemu qal li l-laqgħa kienet pożittiva, u li l-Prim Ministru faħħar il-ħidma tal-għaqda kif ukoll laqa’ l-proposti biex itejbu l-ħajja tal-istudenti Għawdxin.
Barra minn hekk, il-GUG ippreżentat lill-Prim Ministru, il-konklużjonijiet ta’ stħarriġ dwar l-ispejjeż tal-istudenti Għawdxin f’Malta. Dan l-istħarriġ juri li 95% jaqblu li l-għajnuna finanzjarja li l-istudenti Għawdxin jingħataw mill-Gvern għandha togħla skont l-għoli tal-ħajja.
Il-GUG saħqet ukoll dwar l-importanza tat-tieni cable tal-fiber optic bejn Malta u Għawdex u li għandu jiġi introdott servizz bil-baħar li jieħu inqas ħin.