L-għajnuna lill-emigranti hi l-qofol tal-valuri Ewropej

Il-Papa Franġisku għamel sejħa lill-Ewropa biex tgħin lill-imigranti. Dan għamlu f’messaġġ li bagħat lill-Aġenzija tal-Aħbarijiet ANSA li flimkien ma’ France Media Monde u d-Deutsche Welle niedew newsportal ġdid all-imigranti: Infomigrants.net
Fil-messaġġ tiegħu lil dawn it-tliet ġganti tal-media il-Papa Franġisku qal li “Inħossni qrib dawk l-istituzzjonijiet, assoċjazzjonijiet jew individwi li b’mod għaqli jinfetħu għall-fenomenu tal-imigrazzjoni b’interventi ta’ kull forma ta’ appoġġ. Dawn huma xhieda tal-valuri umani u kristjani li huma l-bażi taċ-ċiviliżazzjoni Ewropeja”.
“Ħadt pjaċir meta sirt naf b’dan il-proġett sinjifikanti tat-twaqqif ta’ dan il-portal elettroniku li into ħloqtu flimkien biex twasslu informazzjoni diġitali għas-servizz tal-imigranti. Nixtieq nesprimi l-apprezzament sinċier tiegħi għal din l-inizjattiva importanti u nittama li minn banda tgħin fl-integrazzjoni ta’ dawn in-nies fir-rispett tal-liġijiet tal-pajjiżi li jilqugħhom u min-naħa l-oħra, tqajjem fis-soċjetajiet impenn lejn kultura awtentika ta’ solidarjeta”, kompla il-Papa.
“Il-preżenza ta’ tant nisa u rġiel li jesperjenzaw it-traġedja tal-imigrazzjoni, hi opportunita’ biex nikbru umanament u għal laqgħa u djalogu bejn il-kulturi filwaqt li nippromwovu l-paċi u l-fraternita’ fost il-popli”.
“Inwiegħdkom it-talb tiegħi u nitlob fuqkom il-protezzjoni ta’ Alla, missier ta’ kulħadd, biex jakkumpanjakom f’dan il-vjaġġ lilkom u lil dawk li jkollhom jitilqu minn arthom minħabba konflitti armati, attakki terroristiċi, ġuħ jew gvernijiet oppressivi. J’Alla dawn l-imigranti jiltaqgħu ma’ aħwa li jaqsmu magħhom it-tama fil-ġejjieni”, temm jgħid Papa Franġisku fil-messaġġ tiegħu.