​“L-għajdut ibeżżgħu lill-ġenituri milli jlaqqmu ‘l uliedhom”

Dr Mark Muscat mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qal li meta tikber l-għajta ta’ xi persuni li jgħidu li t-tilqim għat-tfal jista’ joħloq  xi problemi, l-għajdut mhux ibbażati fuq l-istħarriġ xjentifiku, ibeżżgħu lil xi ġenituri milli jlaqqmu lill-uliedhom.
F’intervista waqt il-programm Follow-Up, Dr Muscat spjega li filwaqt li l-maġġoranza tal-ġenituri madwar l-Ewropa jieħdu lit-tfal għat-tilqim, hemm xi tfal li għal xi raġuni ma ġewx imlaqqma.
Kompla li ħafna ġenituri llum ma jafux x’inhi l-ħożba jew forsi ma jiftakrux meta qabdet lilhom. Spjega kif il-maġġoranza tal-ġenituri joqogħdu fuq il-parir tat-tfal tagħhom.
Kumplikazzjonijiet jekk taqbdek il-ħożba
Dr Muscat semma l-infjammazjoni tal-moħħ u tal-pulmun bħala kumplikazzjoni li jista’ jkun hemm meta persuna taqbadha l-ħożba. Qal li l-virus jinfirex mal-arja u tista’ tikkaġuna kumplikazzjonijiet fit-tfal żgħar u fil-kbar u persuni b’mard kroniku.
Spjega kif wara s-suċċess tal-eradikazzjoni tal-ġidri – il-WHO bdiet taħseb beix teradika l-ħożba  għax kienet waħda mill-agħar mard li tolqot in-nies.
35 ruħ mietu bil-ħożba fl-2017
Is-sena li għaddiet kien hemm 35 ruħ li mietu bil-ħożba fl-Ewropa. Fl-Italja s-sena li għaddiet kien hemm 5,000 każ ta’ ħożba  u l-epidemija ghadha għaddejja. L-istess qed jiġri fir-Rumanija  fejn il-virus għadu jnixtered fost dawk li ma tlaqqmux.
Dr Muscat spjega kif sar progress kbir fil-mediċina u fortunatament ħafna mard infettiv jista’ jiġi evitat.
Qal li l-ġidri hi l-unika marda li ġiet eridakata  sforz it-tilqim li kien jingħata. L-Ewropa ilha wkoll mill-2002 mingħajr każi ta’ polio. Din il-marda baqgħet biss fi tliet pajjiżi, fosthom l-Afganistan.