L-għajat virtwali nofs il-bejgħ, jgħid espert tal-marketing diġitali

L-espert tal-marketing diġitali Dr Franco Curmi qal li għalkemm il-proċessi tal-bejgħ għadhom l-istess, il-mod u d-dettall li bihom jitwettqu dawn il-proċessi nbidel. Meta kien qed jitkellem fuq Newsbook Q&A, Curmi qal li “Illum il-marketing inbidel ħafna, ħafna bejgħ isir online kemm direttament  – allura ħafna mir-reklamar isir online,  u anki għan nies li ma jbigħux online, ħafna mill-messaġġi, minħabba li l-udjenza tagħhom konnessi b’xi  mod online billi jfittxu fuq Google, Facebook eċċ, qed iwasslu l-messaġġ tagħhom online wkoll. Mhux biss għal min qed ibigħ online, huwa mezz ta’ kif tista twassal il-kelma tiegħek”.

Il-‘fejn’ inbidel

Il-bidla fil-mod kif il-bejjiegħ iwassal għand ix-xerrej l-informazzjoni meħtieġa dwar prodott jew servizz, tat lill-bejjiegħ aktar għodod ukoll. Ix-xebħ mal-qasam tax-xandir mhux żgħir. Ix-xandir beda billi jolqot lill-massa tan-nies: Ir-radju, il-gazzetti u t-televiżjoni. Illum iżda, ix-xandir huwa ħafna u ħafna aktar personalizzat, bit-tajjeb u l-ħażin li dan iġib miegħu. Il-bejgħ l-istess. Jispjega Dr Curmi: “Biex nagħti eżempji – ħanut jagħmel billboardMarsaxlokk u ieħor il-Mellieħa, dwar xi prodott, u jkollu ħafna bejgħ. Dan ma jafx minn fejn sar l-aktar il-bejgħ, jekk hux permezz tal-billboardta’ Marsaxlokk jew permezz ta’ dik fil-Mellieħa.

Illum il-ġurnata jekk inqabblu dak ma’ reklam li jsir online, li sa 30 sena ilu ma kienx jeżisti,  tkun taf eżatt fi x’ħin ikklikkjaw fuq dak ir-reklam, x’tip ta’ nies, tkun taf ukoll jekk hux qed jixtru filgħaxija flok filgħodu, allura tagħżel li tirreklama filgħaxija, tista’ wkoll twaqqaf reklam fi x’ħin trid. Fil-verità billboard diffiċli twaqqfu mil-lum għal għada. Hemm iżjed għodod. Il-mod kif tbigħ, ftit jew wisq, għadu l-istess”. Minħabba f’hekk ħafna drabi l-aktar deċizjoni importanti tal-bejjiegħ tkun li jara fejn qegħdin il-klijenti, jekk humiex aktar tradizzjonali jew aktar diġitali.

Inbidel ukoll il-‘kif’

Minkejja l-qalba għad-diġitali, iżda, hemm teknika li baqgħet tajba u żammet postha: il-word of mouth jew l-isem, kif insibuh bil-Malti. “Fil-verità għadha tgħodd  ħafna. Kważi għadha tgħodd aktar minn qabel. Il-kelma t-tajba għandha valur kbir” qal Dr Curmi. Spjega wkoll li x-xejriet tal-bejgħ u x-xiri jmorru id f’id : “Ma  jistax ikollok konsumatur li ħa jixtri jekk ma jafx li jeżisti prodott u viċi versa, l-imprenditur irid iwassal il-messaġġ li l-prodott jeżisti,” qal Dr Curmi.

Iżda, bħal dejjem, min jaddatta malajr huwa dak li l-aktar li jikseb benefiċċji. Dr Curmi qal li fil-kriżi tal-coronavirus, kien hemm min irrealizza kemm il-preżenza diġitali tal-prodotti kienet fqira. Dr Curmi kkummenta: “Ġara fenomenu li min forsi kellu sistema dgħajfa, kemm kemm taħdem, tant kien hemm bżonn li tixtri online, li kollox beda jinbiegħ. Tajjeb li l-imprendituri jużaw din il-fażi ta’ kif xtraw in-nies biex janalizzaw x’ħadem u ma ħadimx u jirranġaw minn hemm”. Huwa żied jgħid li din tista’ tkun opportunità li wieħed jitgħallem minnha u jara fejn jista’ jmur aħjar. Żied li xerrej darba jingidem, u ma jerġax ifittxek online, anzi, jagħmillek nomina ħażina.

Rakkomandazzjonijiet

Dr Curmi għamel diversi rakkomandazzjonijiet:

  • Kull negozju għandu jara jekk preżenza online iżżidlux il-bejgħ.
  • Preżenza online trid tkun sostnuta regolarment. Website mhix xi ħaġa li għamilt darba u daqshekk.
  • L-estetika (id-dehra) tal-website hija importanti. Kollox bil-moda, anke d-disinn tal-websites.
  • Kun af il-klijenti tiegħek min huma u xi jridu. Hekk biss tkun tista’ “tgħajjat” virtwalment fejn huma lesti li jisimgħuk.
  • Agħmel website faċli li jintuża. Ħadd mhu interessat li jkollu jiggradwa biex ikun jista’ jixtri xi ħaġa.
  • Ara li l-website jkun jgħaġġel biex jieħdok fejn trid tmur. M’hemmx agħar milli tikklikkja u ddum tistenna seklu. Min iġiegħel lin-nies jistennew, ma jithenniex.
  • Qis li l-website tkun tidher li tnebbaħ fik il-fiduċja. Qatt rajt xi konsulent li l-logo tiegħu jkun cartoon? Ma naħsibx.
  • Ippreżenta ruħek tajjeb u kun persistenti. Fid-dinja virtwali riklam jaf jisparixxi f’sekondi. Ibqa’ ppostja.
  • Kun onest. Darba tqarraq bix-xerrej u ma terġax tarah.