L-għaġin Taljan ma jridx ikollu x’jaqsam ma’ Schembri

Ditta Taljana tal-għaġin ħarġet stqarrija li fiha qalet li m’għandhiex relazzjoni mal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Kumpanija ta’ Schembri timporta din id-ditta Taljana f’Malta.

Fi stqarrija, id-ditta Rummo qalet li m’għandhiex relazzjoni ma’ Schembri u li m’għandhiex x’taqsam ma’ dak li wassal għall-bojkott tal-prodotti tagħha f’Malta.

Fuq il-midja soċjali bdiet iddur lista ta’ prodotti li jimporta Schembri b’appell lin-nies biex ma jixtruhomx. Dan hekk kif Schembri qed ikompli jissemma’ f’rapporti li għandhom x’jaqsmu mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Reċentament ittra li waslet f’idejn il-kabinett u li allegatament intbagħtet minn Keith Schembri lil Yorgen Fenech, kienet turi li Schembri qal lil Fenech biex iwaħħal l-assassinju fuq il-Ministru Chris Cardona.

Skont is-sit LovinMalta, kien hemm ħwienet li għamlu roħs fuq il-prodotti tar-Rummo minħabba l-bojkott.