L-imwiet fl-Istati Uniti jaqbżu l-100,000

REUTERS/Leah Millis

Read in English.

Il-marda tal-coronavirus qatlet aktar minn 100,000 persuna fl-Istati Uniti, skont ma qal il-ġurnal Reuters nhar l-Erbgħa. Dan filwaqt li t-tnaqqis fir-rata ta’ mwiet ħeġġeġ lin-negozji biex jerġgħu jibdew jiftħu, u biex l-Amerikani jibdew ħerġin minn perjodu ta’ lockdown li ilu għaddej għal dawn l-aħħar xaharejn.

Bħala medja, madwar 1,400 persuna Amerikana tilfu ħajjithom kuljum f’Mejju, tnaqqis mir-rata ta’ 2,000 kuljum matul April, skont l-għadd tad-data minn kull stat u kontea dwar l-imwiet ikkawżati mill-COVID-19.

F’madwar tliet xhur, mietu aktar Amerikani minħabba l-COVID-19 milli mietu nies f’daqqa minħabba l-Gwerra tal-Korea, il-Gwerra tal-Vjetnam u l-ġlied fl-Iraq bejn l-2003 u l-2011.

Din il-marda respiratorja ġdida qatlet ukoll aktar persuni mill-epidemija tal-AIDS bejn l-1981 u l-1989, u ħadet il-ħajja ta’ ħafna aktar persuni mill-influwenza staġjonali f’dawn l-aħħar għexieren ta’ snin. L-aħħar darba li l-influwenza qatlet daqstant persuni fl-Istati Uniti kien fl-istaġun bejn l-1957 u l-1958, meta tilfu ħajjithom 116,000 persuna.

Il-każijiet totali tal-coronavirus fl-Istati Uniti kienu aktar minn 1.7 miljun, u ħafna stati fin-nofsinhar tal-pajjiż qed jaraw żieda fil-każijiet ġodda f’din l-aħħar ġimgħa, skont analiżi tad-data li saret minn Reuters permezz ta’ The COVID Tracking Project, proġett volontarju li twaqqaf biex tinġabar data dwar l-epidemija. 

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn