L-għada tal-baġit, il-Parlament se jiddiskuti l-pandemija

Fuq talba tal-Partit Nazzjonalista, il-Parlament se jkun qed jiddiskuti s-sitwazzjoni tal-pandemija nhar it-Tlieta, jum wara li l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna jelenka l-miżuri ekonomiċi tal-Gvern għas-sena d-dieħla.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista reġa’ fakkar li qed ikun pro-attiv u minbarra t-twaqqif ta’ tim ta’ azzjoni talab ukoll dibattitu parlamentari fuq is-sitwazzjoni u li se jsir nhar it-Tlieta li ġej.

Il-Partit Nazzjonalista stqarr li l-Prim Ministru Robert Abela tilef il-kontroll tal-pandemija tal-COVID-19 fi stqarrija b’reazzjoni għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-bieraħ li fiha l-Gvern elenka xi miżuri ġodda restrittivi.

Il-PN qal li l-PM Abela ħareġ bil-miżuri wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech aktar kmieni ħabbar “pjan ta’ azzjoni politika konkreta”.

Il-Partit Nazzjonalista stqarr ukoll li l-PM ħarab milli jikkundanna lis-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis li fuq l-istazzjon nazzjonali ġġustifika l-imwiet tal-anzjani fid-djar tal-anzjani għax qal li s-sena l-oħra mietu aktar persuni minn din is-sena.

Dwar l-iskejjel il-PN qal ukoll li l-PM naqas milli jserraħ ras l-għalliema, ras l-istudenti u ras il-ġenituri li għandu pjan u jaf x’għandu jagħmel biex l-iskejjel tagħna ma jingħalqux, naqas milli jserraħ ras is-sidien tal-ħwienet u ras il-ħaddiema u li għandu strateġija minn issa biex dan il-Milied ma jintilifx u naqas milli jagħti s-serħan tal-moħħ lill-vulnerabbli u lil dawk l-anzjani li għadhom magħluqin fi djarhom.