L-għada li jiddaħħal il-Vot16, seduta speċjali għaż-żgħażagħ

Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli ħabbret li l-għada li jittieħed il-vot biex-ż-żgħażagħ ta’ 16-il sena jkollhom id-dritt li jivvutaw f’Elezzjonijiet Ġenerali u dwak tal-Parlament Ewropew, ikunu ż-żgħażagħ li jmexxu u jiddibattu f’sessjoni straordinarja tal-Parlament.
Hija kienet qed tagħlaq id-dibattitu fil-Parlament dwar il-Vot 16, dibattitu li kien maqsum fuq l-aħħar tliet ijiem.
L-idea għal sessjoni bl-involviment taż-żgħażagħ kienet imsemmija għall-ewwel darba mid-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg fejn saħqet li ż-żgħażagħ għandhom jingħataw iċ-ċans li jinżlu fil-plenarja minflok jibqgħu fl-istrangers gallery.
Buttigieg tkelmet ukoll dwar l-esperjenza tagħha bħala deputat Speaker f’każi fejn mexxiet is-sessjoni tal-Parlament fil-preżenza ta’ numru ta’ żgħażagħ. Qabblet dawk is-sessjonijiet mas-sessjoni li saret illum, fejn ma kienx hemm nies preżenti fl-istrangers gallery. Għalhekk qalet li wasal iż-żmien li l-Parlament imur għand iż-żgħażagħ fil-post fejn qiegħdin, fuq il-mezzi soċjali.
Dwar l-edukazzjoni dwar il-politika, Claudette Buttigieg qalet li qed isir ħafna xogħol fl-użu tal-bini tal-Parlament iżda sostniet li n-nies iridu li x-xogħol tal-Parlament jidher aktar f’dibattitu ħaj mingħajr konfrontazzjoni li ma tkunx mixtieqa.
Iż-żgħażagħ jixirqilhom li jagħżlu t-tmexxija ta’ Malta – il-Whip tal-Gvern Byron Camilleri
Il-Whip tal-Gvern Byron Camilleri qal li fil-Parlament hemm numru ta’ deputati li huma żgħażagħ. Qal li ż-żgħażagħ jekk jingħataw iċ-ċans ikollhom l-abbiltà li jevolvu fil-politika.
Mill-esperjenza tiegħu, huwa qal li fil-Partit Laburista ż-żgħażagħ ngħataw iċ-ċans li jdaħħlu politika progressiva. Tkellem ukoll dwar l-esperjenza fl-Università u fil-Kunsilli Lokali fejn qal li l-esperjenza politika għenitu biex wasal fil-Parlament.
Il-Vot16 se jwassal għal żgħażagħ iktar parteċipi fis-soċjetà – id-deputat David Stellini
Id-deputat David Stellini qal li “iktar ma tagħmel iż-żgħażagħ parteċipi fis-soċjetà, iktar se jgħinu fis-soċjetà u tgħinhom fl-iżvilupp soċjali tagħhom”.
Id-deputat Nazzjonalista qal li min-naħa tiegħu se jagħmel Snapchat biex ikun viċin iż-żgħażagħ u jara huma x’jaħsbu. Semma l-inizzjattiva personali li se jagħmel billi jorganizza kompetizzjoni għal żgħażagħ u adoloxxenti li jibgħatu filmat jew materjal grafiku dwar il-politika u l-ħajja pubblika f’Malta.
Semma l-fondi Ewropej immirati għaż-żgħażagħ biex ikollhom aktar aċċess għall-politika u t-tisħiħ tal-politika żgħażugħa filwaqt li jgħinu liż-żgħażagħ jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Dejjem imxejna pass ‘il quddiem – il-Ministru Michael Falzon
Il-Ministru għall-Familja Michael Falzon tkellem dwar l-iżvilupp storiku tas-sistema elettorali. Sostna li Malta dejjem għamlet “passi ‘l quddiem” f’dak li għandu x’jaqsam l-iżvilupp tal-votazzjonijiet f’Malta.
Fid-dibattitu tal-lum tkelmu wkoll is-Segretarju Parlamentari Clifton Grima, u d-deputat Laburista Rosianne Cutajar u d-deputati tal-Oppożizzjoni Ivan Bartolo u Marlene Farrugia.