Il-futur tal-Maċedonja ta’ Fuq fl-UE fl-aġenda tal-elezzjoni tal-lum

REUTERS/Ognen Teofilovski

Read in English.

Illum qed issir l-elezzjoni parlamentari fil-Maċedonja ta’ Fuq, u din tista’ tiddeċiedi l-pass għall-proċess ta’ adeżjoni tal-pajjiż fl-Unjoni Ewropea. Iż-żewġ partiti ewlenin, is-Soċjalisti Demokratiċi li huma fil-gvern u huma favur l-UE u l-oppożizzjoni nazzjonalista jinsabu ras imb’ras.

Il-votazzjoni oriġinarjament kellha ssir f’April, imma din ġiet posposta minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Il-Parlament xolja fi Frar wara r-riżenja tal-Prim Ministru Zoran Zaev minħabba li l-UE ma riditx tagħti data biex jinbdew in-negozjati għas-sħubija lir-repubblika eks Jugoslava. Xahar wara l-UE ħabbret li setgħu jinbdew it-taħdidiet, fejn għal darb’oħra ma ngħatatx data imma uffiċjali qalu li x’aktarx il-proċess jinbeda aktar tard matul din is-sena.

Stħarriġ reċenti dwar l-elezzjoni juri rebħa bi ftit voti għall-partit ta’ Zaev, l-Unjoni Soċjo Demokratika tal-Maċedonja (SDSM) waqt li rapport ieħor indika li l-oppożizzjoni nazzjonalista VMRO-DPMNE ta’ Hristijan Mickoski kienet se tirbaħ. Iż-żewġ partiti kisbu riżultat ta’ anqas minn 25%, li jfisser li se jkollhom jaħdmu ma’ msieħba biex jiksbu maġġoranza.