L-FSWS tħabbat wiċċha ma’ 50 każ ta’ traffikar uman f’sena

Read in English.

Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali ħabtet wiċċha ma’ 48 każ ta’ traffikar ta’ persuni kull sena fl-2018 u l-2019. Dan qalu l-Ministru għall-Familja Michael Falzon fil-Parlament.

Hu kien qed iwieġeb għal mistoqsija parlamentari tal-Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista Claudette Buttigieg li staqsiet għall-istatistika bejn l-2014 u l-2019. Hi talbet ukoll għal informazzjoni dwar kemm kien hemm każi ġodda kull sena, il-ġeneru u anke l-etajiet.

Falzon sostna li l-FSWS qed toffri servizz distint fejn jidħol it-traffikar uman, b’tim dedika ta’ professjonisti jaħdmu fih, kif ukoll numru ta’ safe houses li nkrew mis-settur privat apposta biex il-vittmi ta’ traffikar uman ikollhom fejn joqgħodu sakemm il-professjonisti jgħinuhom isibu impjieg alternattiv skont il-liġi.

Skont tabelli ppreżentati fil-Parlament, is-servizz tat-traffikar uman beda jagħmel moniteraġġ tal-każi mill-2018 ‘il quddiem. Fl-2018 kien hemm 25 każ ġdid u 23 każ li kienu magħrufa minn qabel. Dawn ammontaw għal 48 każ totali li għenet l-FSWS. Intant, fl-2019, kien hemm disa’ każi ġodda u 39 każi magħrufa minn qabel. It-total ta’ każi għal din is-sena kien ukoll ta’ 48.

Meta wieħed iħares lejn il-ġeneru tal-persuni, jidher li fis-sentejn li huma kien hemm 19-il raġel u 29 mara li fittxew l-għajnuna tas-servizz.

Intant, fejn jidħlu l-etajiet, fl-2018 kien hemm tmien persuni li kellhom bejn 20 u 24 sena, 15-il persuna li kellhom bejn 25 u 29 sena, 10 persuni li kellhom bejn 30 u 34 sena, ħames persuni li kellhom bejn 35 u 39 sena, sitta bejn l-40 u l-44 sena, tlieta bejn 45 u 49 sena, u persuna waħda bejn il-40 u l-54 sena.

Intant, l-etajiet huma simili matul l-2019. Kien hemm tmien persuni li kellhom bejn 20 u 24 sena, 12-il persuna li kellhom bejn 25 u 29 sena, 11-il persuna li kellhom bejn 30 u 34 sena, sitt persuni li kellhom bejn 35 u 39 sena, seba’ bejn l-40 u l-44 sena, tlieta bejn 45 u 49 sena, u persuna waħda bejn il-55 u l-59 sena.