L-FKNK trid li xi reati ma jibqgħux jitqiesu kriminali

Il-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK) trid li xi reati mwettqa mill-kaċċaturi jew in-nassaba ma jibqgħux jitqiesu bħala kriminali.
F’laqgħa li l-FKNK kellha mas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali, Clint Camilleri, iddiskutiet ir-reviżjoni ta’ diversi multi u pieni għal reati li bħalissa jġorru magħhom il-piż tal-kriminalità.
Skont l-istqarrija tal-FKNK, is-Segretarju Parlamentari jidher li jaqbel ma’ din il-proposta, tant li rrimarka li mhuwiex sewwa li kull kaċċatur u nassab jitqies bħala kriminali, filwaqt li saħaq li mhux se jittollera ksur ta’ liġijiet.
Suġġett ieħor kien l-użu ta’ apparat għall-kaċċa u l-insib li f’Malta huwa illegali filwaqt li f’pajjiżi oħra mhuwiex.
Xi punti oħra li ġew diskussi:

  • Il-kawża tal-għasafar tal-għana fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Ewropa
  • Il-proġett tal-FKNK tat-tluq tal-gamiem
  • l-kaċċa tal-fniek slavaġ u t-tneħħija tal-pjanti u emendi oħra meħtieġa fir-regolamenti relatati
  • Għajnuna fl-amministrazzjoni tar-Riżervi tal-Kaċċa tal-FKNK fil-Miżieb u tal-Aħrax, u l-ħtieġa ta' riżervi simili oħra
  • Proġett ieħor tal-FKNK għat-tluq tal-perniċi aħmar (red-legged partridge) għall-kaċċa
  • Il-Park tal-Majjistral

Sadanittant, Camilleri wiegħed lill-FKNK li se jevalwa x’għandu bżonn jiġi emendat fir-regolamenti tal-kaċċa u l-insib.