L-FKNK titlob lill-President ibiddel il-mod kif jissejjaħ referendum

Read in English.

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) kitbu lill-President George Vella biex fid-dawl tal-konsultazzjonijiet dwar ir-riforma tal­-Kostituzzjoni jikkunsidra xi emendi fosthom dik dwar kif jissejjaħ referendum. Huma saħqu li fl-2015, ir-referendum tal-kaċċa kien issejjaħ b’mod kapriċċuż u abbużiv u għaldaqstant sejħu biex ikun hemm protezzjoni għal sezzjonijiet fis-soċjetà li jistgħu jkunu f’minoranza.

FI stqarrija, l-FKNK qalet li l-emendi li dwarhom talbet li jiġu diskussi u analizzati huma dwar l-Att dwar ir-Referenda, f’Kapitlu 237 tal-Liġijiet ta’ Malta.

Il-konsulenti legali tal-FKNK kitbu wkoll dwar l-akbar petizzjoni b’104,293 firma ta’ ċittadini Maltin u Għawdxin li kienet tressqet fil-Parlament f’Ġunju 2014.

Is-Segretarju Ġenerali tal-FKNK Daniel Xriha qal li s-sottomissjoni lill-President ta’ Malta kien xprunat mill-petizzjoni ffirmata minn porzjon konsiderevoli tal-populazzjoni li esprimew ix-xewqa li d-drittijiet, l-interessi u l-privileġġi legali ta’ minoranzi, inkluż tal-kaċċaturi u n-nassaba jiġu salvagwardjati.