L-FKNK titlob lill-Ministru għal deroga għal kaċċa tal-gamiem fir-rebbiegħa

Luke Zerafa

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) iltaqgħet mal-Ministru Clint Camilleri u ddiskutiet miegħu l-possibbiltà li din is-sena jiġu applikati derogi biex issir il-kaċċa tal-gamiem u s-summien fir-rebbiegħa.

Fi stqarrija, l-FKNK spjegat li delegazzjoni tagħha ltaqgħet mal-Ministru Clint Camilleri, li għadu responsabbli mill-kaċċa u l-insib minkejja li laħaq Ministru għal Għawdex.

Fost affarijiet oħra, l-FKNK iddiskutiet mal-Ministru l-possibbiltà ta’ derogi għall-kaċċa tal-gamiem u s-summien fir-rebbiegħa, u aktar tard fil-ħarifa l-insib tal-għasafar tal-għana.

L-FKNK kienet laqgħet l-aħbar li l-Ministru se jibqa’ responsabbli mill-kaċċa u l-insib b’sodisfazzjon, filwaqt li l-BirdLife kienet sejħet din id-deċiżjoni waħda dijabolika peress li Camilleri nnifsu huwa kaċċatur u nassab.