L-FKNK titlob laqgħa urġenti mal-Pulizija dwar il-kwerela tal-BirdLife

Read in English.

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) trid laqgħa urġenti mal-Kummissarju tal-Pulizija u l-uffiċjali investigattivi wara li l-BirdLife fetħet kwerela sabiex jiġu rtirati l-liċenzji tal-kaċċa kollha maħruġa mill-Ministeru għal Għawdex għall-kaċċa tas-summien dan l-istaġun, li skont l-FKNK jammontaw għal iżjed minn 6,000.

Fi stqarrija maħruġa lbieraħ filgħaxija, l-FKNK qalet li l-liċenzji kollha ħarġu skont il-liġi mit-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) responsabbli mill-ħruġ tal-liċenzi skont id-dispożizzjonijiet tar-regolamenti relattivi. Għalhekk, ma tistax tifhem għaliex l-NGO qed tisħaq li l-liċenzji huma illegali.

L-għaqda, aktar kmieni din is-sena, ressqet protest ġudizzjarju fil-Qorti b’rabta mad-deċiżjoni li l-Prim Ministru Robert Abela jpoġġi lil Clint Camilleri, il-Ministru għal Għawdex, bħala regolatur tal-kaċċa. BirdLife Malta issa spjegat li ħasset il-bżonn li tissottometti kwerela minħabba li l-liċenzji tal-kaċċa ħarġu mill-Ministeru għal Għawdex, meta skont il-liġijiet ambjentali ta’ Malta, il-Ministru għal Għawdex m’għandu l-ebda dritt legali biex joħroġ dan id-dokument.

Min-naħa tagħha, il-Federazzjoni tal-Kaċċaturi stqarret li minkejja li għad m’għandhiex id-dettalji kollha dwar din il-kwerela, talbet laqgħa urġenti mal-Pulizija sabiex minn jeddha tagħti l-verżjoni tagħha u tiddefendi l-pożizzjoni tagħha. Kompliet tgħid li, “Sussegwentement, l-FKNK tkun tista’ tirregola ruħha legalment sabiex tissalvagwardja l-interess tal-istess kaċċaturi Maltin u Għawdxin.”

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti qalet li l-BirdLife kienet inkonsistenti fl-azzjonijiet tagħha, peress li meta l-Gvern ħabbar li se jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa lmentat li 40 uffiċjal tal-Korp tal-Pulizija se jiġu allokati għall-infurzar tad-deroga minflok ikomplu jkunu minn ta’ quddiem fil-ġlieda kontra l-coronavirus, mentri issa, għamlet kwerela lill-istess Pulizija biex tinvestiga madwar 6,000 persuna.

Il-federazzjoni kkummentat fuq kif dawn is-6,000 kaċċatur jistgħu jitressqu l-qorti u jkunu suġġetti għal massimu ta’ €10,000 multa u/jew sentejn ħabs, apparti s-sospensjoni jew revoka permanenti tal-liċenzja.

Għaldaqstant, hija saħqet li se tikkopera mal-Kummissarju tal-Pulizija u, li qiegħda tirriserva li tieħu l-passi neċessarji skont il-liġi, inkluż li possibbilment tfittex lill-BirdLife Malta u lil Daryl Grima u Mark Sultana f’isimhom u fil-karigi li jokkupaw fi ħdan l-NGO għall-malafama.