L-FKNK tippubblika lista ta’ kandidati li ħadmu mill-qrib

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) ippubblikat lista ta’ kandidati għall-elezzjonijiet Ewropej li mlew il-kwestjonarju tal-għaqda kif ukoll iffirmaw il-manifest.

Permezz ta’ din il-lista, l-FKNK qed turi pubblikament l-ismijiet tal-kandidati li ħadmu mill-qrib tal-għaqda. Dan minħabba li ppubblikat ukoll l-għadd ta’ laqgħat li saru bejn il-kandidat u delegazzjoni mill-Kunsill tal-FKNK. L-FKNK saħqet li l-laqgħat kollha saru fuq talba tal-kandidat stess.

Peter Agius l-unika kandidat Nazzjonalista li ltaqa’ mal-FKNK

L-uniku kandidat tal-Partit Nazzjonalista li ltaqa’ mal-FKNK kien Peter Agius. Huwa wkoll l-uniku kandidat Nazzjonalista li wieġeb għall-kwestjonarju mħejji mill-istess għaqda.

Mill-Partit Laburista kien hemm disa’ kandidati li wieġbu l-kwestjonarju filwaqt li sitta minnhom kellhom xi laqgħat mal-FKNK. Cyrus Engerer u Joe Sammut kellhom aktar minn laqgħa waħda mal-FKNK.

Wieġbu wkoll il-kwestjonarju l-kandidat tal-Imperium Europa Norman Lowell flimkien mal-kandidat indipendenti Arnold Cassola.

FKNK

L-FKNK qalet li l-lista li se tippubblika sal-aħħar ta’ dan ix-xahar se tkun finali.