L-FKNK tipprotesta kontra żewġ miżati

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) qed tipprotesta bil-qawwa kollha mal-awtoritajiet minħabba l-ħlas ta’ żewġ miżati li jridu jitħallsu minn membri tagħha.
F’ittra dettaljata li fiha spjegat il-bidliet li ħabbar il-Gvern din il-ġimgħa b’rabta mal-liċenzji u mal-mod kif isir ir-rappurtaġġ tal-annimali maqbuda, il-Kap Eżekuttiv, Lino Farrugia, qal li l-FKNK qed toġġezzjona għal żewġ miżati.
Dik ta’ €13.98ċ li jrid iħallas nassab u l-miżata, tal-istess ammont, li jrid iħallas min ikollu l-permess għall-qbid tal-fenek selvaġġ bix-xibka.
L-FKNK qed targumenta li f’dawn il-prattiċi ma tinġarrx arma tan-nar u għalhekk m’għandux ikun hemm ħlas.
L-FKNK tirrappreżenta iktar minn 10,000 kaċċatur jew nassab liċenzjat.
Iktar kmieni din il-ġimgħa l-Gvern ħabbar li l-liċenzja tal-kaċċa se tibda tiġġedded kull ħames snin, mhux kull sena, uħud se jħallsu sa 50% inqas u li se tiddaħħal sistema ġdida ta’ kif jirrappurtaw xi jkunu qabdu.