L-FKNK tipprotesta kontra kummenti tal-kunsilliera ta’ Ħ’Attard

Il-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti, l-FKNK qed tipprotesta għall-kummenti li kitbu fuq Facebook il-Viċi-Sindku u l-Kunsillier tal-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard.
Il-Viċi Sindku Marco Spiteri u l-Kunsillier Ralph Cassar, it-tnejn qalu li se jivvutaw LE fir-Referendum għall-Kaċċa fir-Rebbiegħa.
F’ittra li l-FKNK bagħtet lis-Segretarju Parlamentari Jose Herrera qalet li r-rappreżentanti tal-Alternattiva Demokratika aġixxew b’mod li ma kienx etiku meta kitbu dawn il-kummenti fuq il-paġna uffiċjali tal-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard.
Min-naħa tagħhom il-kunsilliera qalu li kull membru fil-kunsill huwa ħieles li jgħid li jħoss irrelevanti x’ikun is-suġġett. Qalu wkoll li l-unika ħaġa li hija illegali f’dan il-każ hi l-kaċċa fir-rebbiegħa.
Iċ-chairperson tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola qal li l-FKNK kitbet dik l-ittra biex tiċċensura l-kummenti tar-rappreżentanti tagħha, fl-istess waqt li xi ġimgħat ilu ppreżentat petizzjoni biex tikkonvinċi l-Parlament biex jibdel il-liġi tar-Referenda. Arnold Cassola temm jgħid li Je suis Charlie mhux biss f’Pariġi imma wkoll f’Ħ’Attard.