“L-FKNK tilfet il-kontroll fuq il-membri”- BirdLife; L-FKNK tiċħad

BirdLife FKNK Cikonji Qtil
Alice Tribe/BirdLife Malta

L-għaqda BirdLife Malta qalet li l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) tilfet il-kontroll fuq il-membri tagħha, allegazzjoni li l-FKNK ċaħdet.

Fi stqarrija l-BirdLife qalet li mill-qatgħa oriġinali ta’ 18, illum baqa’ biss sitt Ċikonji, u għalkemm seba’ biss intlemħu jinqatlu, l-għaqda temmen li l-ħamsa l-oħra nqatlu wkoll minn kaċċaturi. Bħalissa huwa staġun miftuħ biss għall-kaċċa tal-fenek.

Il-BirdLife qalet li tistenna azzjoni ċara mill-Gvern “li turi li mhux se jittollera iktar atroċitajiet bħal dawn”.

Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) tefgħet it-tort tal-qtil ta’ ċikonji fuq lill-Kummissjoni Ewropea (KE). Fi stqarrija, l-FKNK qalet li filwaqt li tikkundanna kull att legali ta’ qtil tat-tajr protett, is-sitwazzjoni ma baqgħatx il-problema li seta’ nqatlet ċikonja iżda s-sitwazzjoni kkreata li ħadd m’għadu qed iwassal l-ebda rapport ta’ xi llegalita’.

Il-BirdLife qalet li kien bis-saħħa ta’ żewġ membri mill-pubbliku li qed jiġi investigat il-qtil taċ-Ċikonji. Il-persuna li allegatament sparat u qatlet żewġ ċikonji lbieraħ ġiet arrestata mill-Pulizija.

F’risposta għal dak li qalet il-BirdLife, l-FKNK qalet li l-kaċċaturi u n-nassaba tilfu kull fiduċja fil-ġustizzja tal-Kummissjoni Ewropea, tant li llum kważi ħadd ma jrid jirrapporta’ xi ‘llegalita’ li jista’ jsir jaf biha.

Il-kaċċaturi qalu li l-BirdLife għandha “tieħu ħsieb l-operat malizzjuż u ta’ dannu għall-gżejjer Maltin”. Dan b’referenza għal mistieden tal-BirdLife li qal li l-Gvern Malti huwa korrott. L-FKNK qalet li tikkundanna l-qtil jew teħid ta’ għasafar protetti.